Futbol Sport

Beckenbauer akkużat bi frodi b’rabta mat-Tazza tad-Dinja tal-2006

Franz Beckenbauer ġie akkużat bi frodi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Iżvizzera, b’rabta mal-għoti tal-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ 13-il sena ilu. Beckenbauer li rebaħ it-Tazza tad-Dinja bħala plejer u kowċ, qed jiġi akkużat li ħallas madwar €9 miljuni lill-eks membru fl-Eżekeuttiv tal-FIFA Mohamed bin Hammam qabel l-edizzjoni tal-2006.

Beckenbauer mexxa l-Kumitat Organizzattiv tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 u f’dak iż-żmien, Bin Hammam kien membru tal-Kumitat Eżekuttiv kif ukoll tal-Kumitat Finanzjarju tal-FIFA. L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-investigazzjonijiet żvelaw li fis-sajf tal-2002, Beckenbauer aċċetta self ta’ 10 miljuni Frank Żvizzeru f’ismu u fil-kont tiegħu mingħand Robert Louis-Dreyfus.

“Is-somma kienet użata biex tiffinanzja diversi pagamenti li saru minn ditta legali għal kumpanija tal-Qatar li hi ta’ Mohammed Bin Hammam.” Il-ħsieb wara l-pagamenti totali lil Mohammed Bin Hammam ma setax jiġi determinat anki għaliex rikjesta lill-awtoritajiet tal-Qatar għal assistenza legali minn Settembru tal-2016 baqgħu mhux imwieġba.

Il-proċeduri kontra Beckenbauer qed ikomplu separatament minħabba li problemi ta’ saħħa. Il-prosekuturi federali Żvizzeri ppreżentaw akkużi kontra tliet persuni għolja fil-futbol Ġermaniż u eks uffiċjal tal-FIFA. Dawn huma l-eks Presidenti tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ġermaniża Theo Zwanziger u Wolfgang Niersbach, l-uffiċjal Horst Schmidt u l-eks uffiċjal tal-FIFA Urs Linsi. L-erba’ persuni ċaħdu li għamlu xi ħaġa ħażina.