Lokali

Ċittadin Malti jinstab ħati li froda l-miljuni

Ċittadin Maltin, Mustafa Abdel Wadood insab ħati fil-Qorti Amerikana li ffroda l-miljuni ta’ dollari … u l-arrest relatat ma’ dan il-każ seħħ biss f’inqas minn erba’ xhur wara li ngħata ċ-ċittadinanza Maltija.

Dan ġie żvelat minn ‘The Shift News’ hekk kif minn stħarriġ li għamlet jirriżulta li fil-gazzetta tal-Gvern Malti fil-21 ta’ Diċembru tal-2018, Abdel Wadood kien imniżżel bħala ċittadin ġdid Malti.

‘The Shift News’ kienu bagħtu jistaqsu lil Identity Malta jekk iċ-ċittadinanza ta’ Abdel Wadood hix se tittieħed minnu wara l-arrest. Madanakollu, l-aġenzija rrifjutat li tati informazzjoni dwar dan.

Wieħed ma jistax ikun jaf jekk Abdel Wadood xtarax iċ-ċittadinanza Maltija jew ġabiex minħabba li kiseb in-naturalizzazzjoni. Madankollu, il-Ministru tal-Affarijiet Interni, Michael Farrugia għandu l-poter li jieħu ċ-ċittadinanza Maltija kif tgħid il-liġi ta’ pajjiżna. Din tista’ sseħħ meta wieħed jinstab ħati fil-Qorti u jeħel iktar minn 12-il xahar fi priġunerija.

L-eks kap eżekuttiv wieġeb ħati għal diversi akkużi miġjuba kontrih, fosthom frodi u gideb lil investitaturi dwar is-saħħa finanzjarja li l-kumpanija kienet tinsab fiha. Hu se jkun qed jaffaċja 125 sena fil-ħabs.

Fl-aħħar xhur, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija kienet kritikata mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif tista’ twassal għal ħasil tal-flus, korruzzjoni u kriminalità organizzata.