Formula 1 Sport

Gasly jista’ jitlef postu ma’ Red Bull jekk iżomm l-istess prestazzjonijiet

(Ritratt: EPA)

Pierre Gasly jinsab fil-bżonn li jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu fit-tieni parti tal-istaġun hekk kif Red Bull qed jikkunsidraw serjament li jibdluh fi tmiem l-istaġun. Il-Franċiż spiċċa fis-sitt post fl-Ungerija l-Ħadd li għadda u sieħbu Max Verstappen li spiċċa t-tieni, qabżu b’dawra.

Il-Prinċipal tat-Tim Christian Horner qal li Gasly irid jieħu jirrifletti f’din il-waqfa tas-sajf u jieħu l-lezzjonijiet għat-tieni parti tas-sena hekk kif qal li jriduh jirrealizza aktar il-potenzjal tal-karozza. Mistoqsi jekk hux qed jikkunsidraw li jibdlu lil Gasly, Horner qal li l-intenzjoni hi li jħalluh sa tmiem is-sena.

L-Ungerija kienet it-tieni darba f’erba’ tlielaq li Verstappen għadda lil Gasly b’dawra hekk kif l-istess xenarju seħħ fl-Awstrija fit-tmiem ta’ Ġunju. Huma qed jisfidaw lil Ferrari fil-klassifika tal-kostrutturi, riżultati li jiddependu l-ammont ta’ flus li jakkwistaw fi premijiet. Bis-sitt post ta’ Gasly, Red Bull u Ferrari kisbu l-istess ammont ta’ punti.

Ir-risposta ta’ Horner tagħti x’jifhem li ma tkunx sorpriża jekk Gasly ma jibqax fit-tim qabel tmiem l-istaġun. Waħda mill-akbar problemi hi li m’hemmx kandidat ovvju li jeħodlu postu. Huma għandhom lil Toro Rosso bħala t-tim sekondarju tagħhom iżda Daniil Kvyat diġà kellu esperjenza ma’ Red Bull u tneħħa wara erba’ tlielaq fit-tieni staġun tiegħu fl-2016.

Is-sewwieq l-ieħor Alexander Albon impressjona fl-ewwel staġun tiegħu din is-sena u għalkemm jipprometti, Red Bull probabbli jaħsbu li għadu kmieni għalih. Għalhekk jidher li qed iħarsu lejn sewwieq b’aktar esperjenza u probabbli jkollhom jistennew sas-sena d-dieħla.