Festi Lokali

Ġimgħa ta’ festi – illum iċċelebrat Kristu s-Salvatur

Ħal Lija – raħal żgħir li matul din il-ġimgħa kien imżejjen kollu b’armar mill-isbaħ kemm fil-Knisja u anke fit-toroq tal-madwar. U dan kollu għal fatt li din il-lokalità iċċelebrat il-festa ta’ Kristu Salvatur.

Ħal Lija tibqa’ magħrufa b’mod speċjali għan-nar u l-vara mill-isbaħ tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq it-Tabor.

Din is-sena għal Ħal Lija hi sena speċjali hekk kif il-Knisja Parrokkjali qed tfakkar il-425 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Dan filwaqt li mitt sena wara sar it-tqegħid tal-ewwel ġebla.

F’dawn l-aħħar snin, il-Kappillan Dun Joe Cilia ħadem ma’ diversi persuni għar-restawr estensiv. Fil-fatt, tul dawn l-erba’ snin li għaddew l-induratura kollha tal-Knisja ġiet restawrata. Uħud minnha setgħet tiġi restawrata, iżda parti minnha kellha tiġi ndurata mill-ġdid.

L-istess restawr sar fuq il-pitturi li jinsabu ġewwa l- Knisja, b’mod speċjali l-kwadri kollha li jinsabu fuq l-artali.

Il-qofol tal-festa f’Ħal Lija intlaħaq f’dawn il-jumejn – it-Tnejn filgħaxija kien preżentat spettaklu pirotekniku mill-Għaqda tan-Nar San Mikiel. Imbagħad it-Tlieta filgħaxija, nhar il-festa ħarġet il-purċissjoni bil-vara tas-Salvatur.

Intant, din il-ġimgħa tat bidu għal diversi festi oħra madwar il-gżejjer Maltin.

Is-Sibt 10 ta’ Awwissu l-Ġirbin se jkunu qed jiċċelebraw festa oħra, dik tal-Levità u Martri San Lawrenz.

L-għada l-Ħadd, il-Ħamrun se tkun qed tilqa’ ammont kbir ta’ nies bħal kull sena għall-festa ta’ San Gejtanu.

Fil-gżira t’Għawdex, fl-istess ġurnata, f’San Lawrenz se jkunu qed jiċċelebraw il-qaddis tagħhom.

Biex imbghad, ikun jonqos biss ftit ġranet għall-festi ta’ Marija Assunta ċċelebrati bi kbir f’diversi lokalitajiet il-ġimgħa d-dieħla.

Ritratti: Matthew Tabone