Lokali

Il-Gvern jibqa’ jaħbi dwar Neville Gafà

Ikompli l-misteru dwar Neville Gafà

Il-Gvern irrifjuta talba għal kopja tal-kuntratt ta’ Neville Gafà li dwaru hemm misteru dwar x’inhu xogħlu.

Din it-talba saret minn The Malta Independent permezz tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni fit-2 ta’ Lulju. Dan wara aktar minn seba’ xhur ta’ mistoqsijiet mingħajr tweġiba mill-Gvern u kif ukoll minn Gafà nnifsu.

Il-kopja tal-kuntratt ta’ Gafà kienet mitluba flimkien ma’ informazzjoni dwar liema Ministeru jew entità Gafa jaħdem fihom u f’liema kapaċità hu qed jagħmel dan.

Lejn tmiem Ġunju li għadda Joseph Muscat ammetta u kkonferma li Neville Gafà – il-persuna li ismu kien implikat fl-iskandlu tal-visas medici – irraprezenta lill-Gvern f’laqgħat li saru bejn uffiċjali tal-Gvern Malti u dawk tal-Gvern Libjan.

Madankollu Muscat reġa’ ħarab milli jgħid għal-liema Ministeru jaħdem l-istess Gafà, illi kien tkeċċa mill-Ministru Chris Fearne immedjatament wara li laħaq Ministru tas-Saħħa.

Dakinhar Muscat ammetta biss li l-istess Gafà ħadem f’isem il-Gvern Malti.

B’hekk Joseph Muscat ħarab milli jghid ma’ liema Ministeru huwa impjegat Neville Gafa’. Iżda ftit jiem wara, Joseph Muscat ftakar li Gafa kien ilu xhur jaħdem fl-istess uffiċċju miegħu.

Neville Gafà ilu figura ċentrali fil-Partit Laburista, u huwa parti miċ-ċirku ta’ nies magħrufa li jkunu qrib ferm ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.Gafà kien implikat fl-iskandlu tal-visas mediċi lil numru ta’ refuġjati Libjani. Eventwalment tkeċċa mill-Ministeru tas-Saħħa.

Ikkummenta