Lokali Qorti

Il-ħajja ta’ lussu ta’ Jordan Azzopardi rakkontata fil-Qorti

Xiehda jirrakkuntaw kif Azzopardi kien xtara vettura li tiswa' €119,000

Manuvri biex flus foloz ibiddlu l-idejn, xiri ta’ karozzi lussużi, garaxxijiet mibdula fi ħwienet tad-droga.

Huma dawn uħud mill-istejjer li ġew irrakkuntati illum fil-Qorti hekk kif kompla jinstema’ l-każ ta’ Jordan Azzopardi li jinsab akkużat bi traffikar ta’ droga u li kien il-moħħ wara ċirku kriminali mifrux f’diversi bnadi tal-pajjiż.

Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni, issemma’ kif Azzopardi kien xtara Range Rover li l-valur tagħha kien ta’ €119,000. Iżda għal din il-vettura kien iffirma ċertu Jonathan Mangion, illi fil-Qorti spjega li hu ma ddejjaq xejn jiffirma għalih għaliex Jordan Azzopardi “ħabib” tiegħu.

Xhud ieħor irrakkonta kif Azzopardi kien offrielu xi flus kemm-il darba jkun kapaċi jieħu kontanti foloz u jsarrafhom fil-ħwienet. F’seba’ okkażjonijiet kien irnexxielu. Il-kontanti kienu karti tal-mitt ewro. Iżda x-xhud qatt ma ħa ċenteżmu għal dak li għamel.

Carmel Chircop, sid ta’ garaxx f’Birkirkara, xehed illi hu ma kienx jaf li l-akkużat kien qed juża l-propjeta’ tiegħu għat-traffikar tad-droga. Fit-testimonjanza tiegħu, Chircop spjega kif induna b’kollox wara r-raid li sar mill-Pulizija. U qal li l-post kienu ġabuħ żibel bl-imbarazz li kien hemm.

Il-każ se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għall-akkużati filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark A. Mercieca, Justine Grech u Anthony Scerri.