Il-Ministru Ian Borg jidher li anke fil-każ tal-proġett f’Santa Luċija, fejn se tkun qed tinbena mina u roundabout minflok it-trakka tal-ġiri u s-siġar li hemm bħalissa, qed jinjora ghal kollox il-kritika u l-alternattivi li jezistu.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, li kkwotawlu waħda mis-soluzzjonijiet li għamlet għaqda ambjentali fl-aħħar sigħat, li l-mina tista’ tisboq ħdejn il-binja ta’ kumpanija tal-istampar, hu pprova jirridikolahom billi nnota li hi NGO ġdida.
Ian Borg kien qed jitkellem l-għada li żewġ għaqdiet ambjentali, Save Santa Luċija Open Spaces Network u Extinction Rebellion, għamlu velja f’Santa Luċija.
U jidher car li anke f’dan il-każ, il-Ministru se jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd.
Mistoqsi jekk f’dan il-proġett u f’dak tas-Central Link fost oħrajn, setax kien hemm iktar konsultazzjoni, il-Ministru Ian Borg qal li d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu, jittieħdu.
U fl-istess waqt li madwar Malta l-qerda tas-siġar qed tkompli, il-Ministru Ian Borg saħansitra ddikjara li s-sentiment tal-Gvern hu wieħed favur l-ambjent.
Dan qalu l-ghada li l-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera, iggustifika t-tqaċċit tas-siġar.
Dawn il-proġetti, u r-rabja li ġabu magħhom, ħolqu wkoll tgergir intern fi ħdan il-Gvern għalkemm il-Ministru Ian Borg ipprova jwassal il-messaġġ li l-Gvern …suppost…hu magħqud.
Iżda l-fatti juru mod ieħor.
Dan apparti messaġġ tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li fuq Facebook, is-Sibt li għadda kiteb hekk: “Mhux siġar jew toroq iżda siġar u toroq. Mhux infrastruttura urbana jew ambjent naturali iżda torbot flimkien siġar, ġonna u pjanti fl-iżvilupp urban. Singapore ilhom iżjed minn 50 sena li qabdu din it-triq.”
Sigħat biss wara l-protesta kontra s-Central Link, anke Stefan Buontempo kiteb: “L-affarijiet li l-Gvern jagħmel iħallu impatt kbir fuq is-saħħa tagħna.”
Għalkemm ma semmiex il-qerda tas-siġar speċifikament, il-ħin li nkiteb dan il-messaġġ wassal lil ħafna biex jaħsbu l din kienet botta indiretta.
//= $special ?>