Żoni sinonimi mad-divertiment, bħal Buġibba u Paceville, saru aktar perikolużi minn qatt qabel, għaliex dejjem qed jiżdied il-ġlied, il-preżenza tad-droga u l-prostituzzjoni f’dawn il-postijiet.
Nies li tkellmu mal-gazzetta ‘The Malta Independent’ tkellmu dwar din is-sitwazzjoni, u stqarrew li dawn il-problemi fl-aħħar snin żdiedu drastikament.
Qalu li matul l-aħħar ħames snin, u speċjalment f’dawn l-aħħar sentejn, is-sitwazzjoni marret għall-agħar sal-punt li saret xi ħaġa normali.
Persuna li tkelmet mal-istess gazzetta stqarret kif ġieli fit-toroq, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, qed ikun hemm anke ġlied li jinvolvi gruppi ta’ iktar minn 16-il persuna. Ħafna drabi dawn il-kwistjonijiet ikunu jinvolvu l-flus.
Kien hemm min ġieli ltaqa’ ma’ nies iġorru skieken kbar u pistoli fi stabbiliment tad-divertiment. Din hi xi ħaġa korroborata minn numru ta’ każi ta’ ġlied li nvolva l-armi.
L-istess persuni li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw li ħafna drabi ġlied f’postijiet bħal Paceville u Buġibba ma jkunx rappurtat fuq l-aħbarijiet. Dan għaliex madwar 90 fil-mija tal-inċidenti kollha huma trattati mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istabbilimenti stess u ma jiġux irrappurtati. Huwa biss meta l-inċident jinvolvi korriment gravi li l-kwistjoni ġeneralment tiġi rrappurtata lill-awtoritajiet.
Jingħad li jekk dawn ir-reati kollha jkunu irrappurtati lill-awtoritajiet mis-sidien tal-istabbilimenti, allura ċ-ċifri juru li r-rata ta’ kriminalità ta’ Malta mhux tonqos, kif kien iddikjara l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar xi xhur ilu, iżda qed jiżdied.
Persuni qalu li s-sitwazzjoni marret għall-agħar għax m’hemm l-ebda kontroll anzi jeżisti nuqqas kbir ta’ infurzar,” L-affarijiet ilhom jmorru għall-agħar, iżda s-sitwazzjoni issa hija mwiegħra mhu jsir xejn dwar dan.
Dawk li tkellmu ma’ the Malta Independent stqarrew li dan jista’ jkun minħabba nuqqas ta’ riżorsi tal-pulizija, bil-persuna tinnota li hemm bżonn kbir li jsiru iktar kontroll fuq is-sewwieqa.
Dan għax kien hemm żieda wkoll f’sewwieqa taħt l-effett tad-droga jew l-alkoħol, bil-konsegwenza li t-toroq qed isiru aktar u aktar perikolużi.
//= $special ?>