Kważi sena mindu l-proġett ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan suppost kellu jkun lest, ir-residenti għadhom jaffaċċjaw gandotti, inġenji u trab jiddominaw din it-triq li għadha fi stat ta’ kostruzzjoni. Dewmien li qed iġib miegħu mhux biss problemi ta’ saħħa, imma wkoll traffiku u nuqqas ikbar ta’ parkeġġ fl-inħawi.
Fl-aħħar sigħat, ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali urew distributur tal-ħalib, mgħobbi bil-kaxxi, jimxi diversi metri fis-sħana ta’ matul il-jum biex iwassal il-prodotti sal-ħanut. Problema li ilha tippersisti u li ħalliet impatt qawwi fuq ir-residenti u n-negozji tal-inħawi.
Il-Ministru Ian Borg fl-14 ta’ Ġunju ta’ sena ilu organizza konferenza tal-aħbarijiet fil-post…biex ftaħar li se jlesti t-triq f’Settembru ta’ dik is-sena. Dan kien ukoll irrappurtat fuq l-istazzjon nazzjonali.
Iżda sena u xahrejn wara li ħabbar dan il-proġett, u kważi sena mindu suppost tlesta, issa l-Ministru qed iwaħħal fid-dranaġġ għal dan id-dewmien.
Iżda l-mistoqsija tqum waħedha. Xi studji saru qabel inqalgħet din it-triq, ladarba l-Ministru kien ċert li kollox kien se jkun lest sa sena ilu?
Żjara li għamel Net News fil-post ikkonfermat ukoll l-ilmenti tar-residenti li mal-jum jarawx iktar minn tliet ħaddiema jaħdmu fuq proġett maġġuri bħal dan. It-Tlieta, crew ta’ Net News sab propju tliet ħaddiema b’kollox li kienu għaddejjin b’xi xogħol.
Dan waqt li għal dan iż-żmien kollu, uħud mir-residenti ilhom jibilgħu ukoll id-dħaħen minn generator li tpoġġa fil-post biex isir ix-xogħol, waqt li oħrajn ma kellhomx għażla li jwaqqfu servizzi li kienu joffru minn dawn l-inħawi.
Ma’ Net News… il-Ministru Ian Borg jiddikjara li ma jafx meta se jitlesta dal-proġett. .
//= $special ?>