Sport Sport Ieħor

Luxol jippreparaw għall-impenji fil-UEFA Futsal Cup lejn tmiem dan ix-xahar

Luxol se jkunu qed jippruvaw jirrepetu dak li għamlu sentejn ilu u jikkwalifikaw mir-Rawnd Preliminari tal-UEFA Futsal Cup. Il-kowċ Gabriel Dobre u l-assistent tiegħu Clint Cope sejħu skwadra ta’ 18-il plejer għall-partiti minn Grupp F fin-Norveġja aktar tard dan ix-xahar.

Sentejn ilu, Luxol kienu rebħu l-grupp tar-Rawnd Preliminari wara li għelbu lil FC Diamant Linz 7-1, KMF Shkupi tal-Maċedonja 9-2 u Maccabi Tel Aviv 4-3. Minn dik l-iskwadra għad hemm plejers ta’ esperjenza Maltin bħal captain Mark Zammit, Gian Carlo Sammut u Andy Mangion kif ukoll il-plejers barranin Celino Alves, Emil Andrei Raducu u Zvezdan Vukovic li kollha huma konfermati.

Everton Veve wkoll ġie akkwistat filwaqt li l-gowlkiper Norveġiż Kenneth Rakvaag se jirritorna wara li kien strumentali sentejn ilu fil-logħbiet ta’ Luxol fil-kompetizzjoni li kienet intlagħbet fl-Awstrija u fir-Rawnd Prinċipali fir-Rumanija. Akkwist ieħor hu l-gowlkiper ta’ esperjenza Stefan Vella li kien ma’ Valletta. L-iskwadra tista’ tikber hekk kif iċ-champions Maltin jinsabu f’diskussjonijiet ma’ plejer Sloven ta’ livell li għandu esperjenza jissielet għar-rebħ tas-Serie A fl-Italja sal-istaġun li għadda.

L-iskwadra ta’ 19-il plejer se tmur Tromsø n-Norveġja kmieni t-Tnejn 26 ta’ Awwissu. L-ewwel logħba tintlagħab jumejn wara fejn ftit qabel f’ Tromsøhallen Arena titħabbar l-iskwadra finali ta’ 14-il plejer. Ir-rebbieħ tal-grupp jikkwalifika għar-Rawnd Prinċipali li jintlagħab bejn it-8 u t-13 ta’ Ottubru.

Il-logħob ta’ Luxol fi Grupp F

L-Erbgħa 28 ta’ Awwissu: Luxol v Fiorentino 5.00pm

Il-Ħamis 29 ta’ Awwissu: Dinamo Chisinau v Luxol 5.00pm

Is-Sibt 31 ta’ Awwissu: Sjarmtrollan v Luxol 1.30pm

L-iskwadra ta’ Luxol

1. Kenneth Rakvaag, 3. Celino Alves, 4. Kemmu Degran Jackson, 5. Nicki Del Re, 6. Everton Veve, 7. Matthew Attard, 8. Gian Carlo Sammut, 9. Mark Zammit, 10. Maicon Silva, 11. Andy Mangion, 12. Leanderson Sant’Anna, 13. Stefan Vella, 14. Marrwan Telisi, 15. Dragan Obradovic, 17. Zvezdan Vukovic, 18. Carl Azzopardi, 19. Emil Raducu, 23. Aidan Micallef