Sport Waterpolo

Sliema fil-bżonn ta’ rebħa biex jaċċertaw post dirett fis-semifinali tal-play-offs

(Ritratt: Matthew Tabone)

Sliema Frank Salt se jfittxu konferma oħra tal-progress hekk kif jaffrontaw liċ-champions Neptunes Leo Vegas illum. Is-sitt timijiet fil-Kampjonat Premier se jkunu qed jilagħbu l-aħħar logħba qabel tibda l-fażi tal-play-offs, bl-ewwel tnejn jidħlu direttament fis-semifinali.

Fil-preżent huma Neptunes u Sliema li jinsabu mal-ewwel tnejn b’21 u 19-il punt rispettivament iżda Sirens jinsabu punti ndaqs ma’ Sliema, b’San Ġiljan ma għandhomx ċans li jagħmluha mal-ewwel tnejn. Fl-ewwel konfront Neptunes kienu ħarġu rebbieħa 10-9, b’Sliema għamlu titjib mill-istaġun li għadda u kapaċi jirbħu lil kulħadd.

Neptunes jidhru li huma l-aktar tim komplet u fl-aħħar logħbiet it-tim ingħaqad aktar  bis-soliti Stevie u Jordan Camilleri flimkien ma’ Petar Muslim u Darko Brguljan huma l-pedament tat-tim flimkien mal-gowlkiper Alan Borg Cole u l-captain Niki Lanzon.

Sliema jibbażaw aktar fuq il-kollettiv, bil-gowlkiper Joseph Parnis qed ikollu staġun pożittiv filwaqt li l-barranin Gavril Subotic u Norbert Hoznyansky qed isarrfu aktar il-potenzjal tagħhom. Diversi żgħażagħ qed jidħlu tajjeb fit-tim bi plejers bħal Jerome Gabarretta u Mark Meli qed ikunu importanti għat-tim.

Logħob li jmiss

Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Ta’ Xbiex 6.15pm

Kampjonat Premier: Neptunes v Sliema 7.30pm