Futbol Lokali Sport

RITRATTI: Victor Scerri imfisser bħala bniedem ta’ integrita’

Fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta ingħatat l-aħħar tislima lill-eks plejer u kowċ tat-tim Nazzjonali Malti, Victor Scerri li miet jumejn ilu fl-eta’ ta’ 91 sena.

Il-Quddiesa tmexxiet minn Mons. Charles Cordina li fl-omelija tiegħu għamel enfażi dwar l-integrita’ li Victor Scerri kellu fix-xogħol li kien iwettaq kif wkoll ir-rabta mal-familja fejn dan l-aħħar kien iċċelebra is-60 anniversarju taż-żwieġ ma martu Marlene.

Fost is-saċerdoti li ċċelebraw il-Quddiesa ma setghetx tonqos il-presenza ta’ Fr.Hilary Tagliaferro li minn naħa tiegħu mhux biss qasam l-esperjenzi li kellu ma’ Victor Scerri fil-perijodu tat-tmexxija tat-tim nazzjonali iżda dwar il-kwalitajiet tiegħu bħala sportiv u l-imħabba li kellu għal Sliema Wanderers.

Preżenti għall-aħħar tislima lil Victor Scerri bosta eks plejers kemm dawk li lgħabu miegħu bejn is-snin 50 u 60 iżda wkoll għadd ta’ plejers li kienu jgħamlu parti mill-bosta formazzjonijiet li mexxa. Ma naqsitx il-presenza tat-tim attwali ta’ Sliema Wanderers kif wkoll bosta eks amministraturi mill-istess klabb, mis-Sliema Acquatic Sports Club kif wkoll mill-MFA

Victor Scerri kien il-goalkeeper fl-ewwel partita tat-tim Nazzjonali Malti fl-1957 meta t-tim Malti tilef 2 – 3 kontra l-Awstrija.F’karriera bħala goalkeeper ma’ Melita, Sliema Wanderers u għal ftit partiti ma’ Floriana, kien rebaħ tlett darbiet il-Kampjonat Malti filwaqt li bħala kowċ nazzjonali bejn l-1973, l-1978 u l-1983 mexxa lit-tim Malti f’29 partita internazzjonali. Huwa kien wkoll eks President tal-Assocjazzjoni Maltija tal-Kowċis, is-Sliema Wanderers Football Nursery kif wkoll iċ-Ċentru Sport Edukattiv immexxi minn Fr.Hilary.