Futbol Sport

Wayne Rooney se jirritorna jilgħab fl-Ingilterra

Wayne Rooney se jirritorna jilgħab fil-futbol Ingliż hekk kif laħaq ftehim ma’ Derby County biex minn Jannar jibda jilgħab magħom b’kuntratt ta’ sena u nofs bħala plejer u wieħed mill-kowċis tal-klabb. Il-plejer ta’ 33 sena se jkompli l-istaġun fil-Major Soccer League ma’ DC United li jintemm f’Novembru.

Fil-passat, Rooney kien tkellem dwar ix-xewqa li jsir kowċ meta jtemm il-karriera. L-irwol tiegħu ma’ Derby se jkun li jaħdem mal-plejers tal-akkademja li jimxu lejn it-tim ewlieni. Hu ngħaqad mal-klabb Amerikan mingħand Everton f’Lulju tas-sena l-oħra u skorja 23 gowl fil-kampjonat f’41 logħba.

Dan il-pass li ħa Rooney ifisser li hu se jsir is-sitt membru mit-tim nazzjonali Ingliż li lagħab fil-Kampjonat Ewropew tal-2004 u li daħal fis-settur tal-kowċing fl-aħħar sena u tliet xhur. Sa issa huma Steven Gerrard, Frank Lampard, Sol Campbell, Paul Scholes u John Terry.

Rooney ilu jilgħab professjonali minn Awwissu tal-2002 fl-età ta’ 16-il sena. L-aktar żmien importanti għalih kienu t-13-il sena li lagħab ma’ Manchester United hekk kif rebaħ il-Premier League ħames darbiet, il-UEFA Champions League, l-FA Cup u tliet darbiet il-League Cup. Hu l-aqwa skorer fl-istorja ta’ Manchester United u hu t-tieni l-aqwa skorer fl-istorja tal-Premier League. Wayne Rooney lagħab 120 logħba mat-tim nazzjonali Ingliż u skorja rekord ta’ 53 gowl.

Tags