Fi stqarrija l-Partit Nazzjonaista permezz tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li l-istatistika Ewropea dwar il-Kundizzjonijiet tal-Għixien u d-Dħul (SILC) hija turija oħra ċara li l-Gvern Laburista jinsab ferm ‘il bogħod milli jżomm mal-wegħda li kien għamel fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 meta ftaħar li kien se jeradika u jeqred għal kollox il-faqar f’Malta. Minflok fl-aqwa żmien, l-istatistika qed turi li f’pajjiżna hawn kważi 80,000 persuna li għandhom dħul baxx u taħt il-linja tal-faqar, u dan b’żieda fuq is-sena ta’ qabel. 16.8% tal-Maltin u l-Għawdxin qegħdin ibatu.
L-istqarrija kompliet tgħid li huwa l-Gvern stess li qiegħed jgħabbi lill-familji bil-piżijiet u qegħdin jispiċċaw iġorru l-piż tort tal-Gvern li tilef kull sens ta’ ġustizzja soċjali. Dan meta qegħdin jaraw żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-fuels, u dan fi żmien meta l-prezz internazzjonali taż-żejt ra tnaqqis ‘l isfel f’dawn l-aħħar snin. Il-familji raw ukoll żidiet fi prodotti oħrajn essenzjali fosthom dawk tal-ikel u tal-ħalib. Dawn iż-żidiet qegħdin iġorruhom il-ħaddiema u l-familji mentri l-Gvern moħħu biss li jiftaħar bl-ekonomija. Mhux biss żdied il-faqar, iżda l-middle class mhix tlaħħaq mal-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel u tal-prodotti essenzjali.
Il-verità hi li dan huwa Gvern li tilef il-boxxla soċjali u li ma żammx kellmtu li jeradika l-faqar, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>