Ambjent Lokali Turiżmu

Il-Gvern tilef kull kontroll fl-Għadira

Konrad Mizzi jinsa li fis-sajf tal-2013 kien intlaħaq ftehim

Ċeremonja kollha pompa mill-Ministru Konrad Mizzi fl-Għadira biex jitħabbar li ntlaħaq ftehim mas-7 operaturi tad-deckchairs biex inaqqsu mill-ispazji li kkapparaw fil-bajja, ma hi xejn ħlief ripetizzjoni ta’ qbil li ma ġiex onorat fl-ewwel sajf ta’ Gvern Laburista.

Meta staqsejna lil Konrad Mizzi għalfejn sejjaħ din il-konferenza tal-aħbarijiet fl-Għadira dwar din id-deċiżjoni li ma hi xejn differenti minn dak li kien ħabbar iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Gavin Gulia, fid-9 t’Awwissu 2013, Mizzi farfar fuq Gulia.

Xhieda ta’ dan huwa servizz tal-aħbarijiet li ħareġ ONE News bir-reazzjonijiet ta’ Gavin Gulia, għall-qbil li ntlaħaq lura fl-2013.

B’hekk huwa evidenti li l-wegħdiet fiergħa tal-Gvern Laburista fl-2013 li jinfurza l-parametri fejn joperaw l-operaturi tad-deckchairs ma nżammux, u l-Gvern tilef il-kontroll tal-bajja tal-Għadira.

F’anqas minn 6 snin, l-Erbgħa l-Gvern kellu jħabbar mill-ġdid ftehim biex fil-bajja tal-Għadira jkun hemm spazji adegwati biex il-familji jgawdu din l-ixtajta mingħajr ma jkollhom jikru deckchair.

Intant, meta mistoqsi dwar f’hiex wasal il-proċess li titkabbar il-bajja tal-Għadira, fid-dawl li l-Għaqdiet Ambjentali mhumiex jaqblu mal-mod kif se tiġi estiża l-bajja tal-Għadira, Konrad Mizzi qal li bħalissa għadhom għaddejjin l-istudji.

Dan filfatt mhuwiex minnu għaliex ir-rapporti tal-istudji li jsemmi diġà jinsabu f’idejn il-Gvern u jmorru kontra l-mod li l-Gvern irid jestendi l-bajja. Tant u hekk li l-għaqdiet ambjentali ewlenin f’pajjiżna diġà urew xettiċiżmu u dubji dwar il-mod se tiġi estiża l-bajja tal-Għadira.