Lokali

Il-pjanti ta’ Santa Luċija fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar “huma qarrieqa” – resident

Għaliex ħadd ma jindirizza l-fatt li l-pjanti ta’ Santa Luċija fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar huma gidba sħiħa? Kif huwa tajjeb dan? Qed tassew insiru daqshekk għomja li nħalluhom jagħmlu li jridu?

Kien dan it-tħassib li membru fil-grupp fuq Facebook ‘For Our Trees’ qajmet fir-rigward ta’ dak li qed jiġri f’Santa Luċija… proġett ieħor ta’ Infrastructure Malta li kull ma jmur qed ikompli jqajjem aktar kontroversja filwaqt li għal darb’oħra, ir-residenti qed jibqgħu jiġu injorati mill-Ministru Ian Borg u t-tim tiegħu u anke mill-Kunsill Lokali stess, li jidher li qed jaħbi lill-Gvern flok jieħu n-naħa tar-residenti.

Dawn il-pjanti juru li parti żgħira biss mill-bidu tal-mogħdija kienet se tintuża biex il-ġonta titjieb. Jidher li l-Gvern għamel dak kollu li seta’ biex jaħbi l-verità, sakemm kien tard wisq biex jitwaqqaf dan il-massakru.

Forsi huwa minnhu li ħadd ma oppona dan il-proġett fiż-żmien stipulat kif qal Ian Borg… pero r-residenti qed jgħidu li kienu żgwidati u mhux għax ma kienux kontra l-proġett.

Dażgur, ħadd ma oppona l-proġett, kif qal Ian Borg, iżda mhux minħabba l-gideb li qed jipprova jitma’ lin-nies, jiġifieri li kulħadd kien favur il-massakru tas-siġar u t-tneħħija ta’ korsa li bilkemm kellha sentejn fuqha, imma sempliċement għax konna żgwidati, imqarraqin u b’informazzjoni ħażina! Tant hu hekk li sal-lum stess, il-pjanijiet fuq il-websajt tal-awtorità ma jirriflettux il-bidliet li qed iseħħu fuq il-post… kompliet tgħid din ir-residenta fost ħafna kummenti ta’ nies li qablu magħha.

Bosta residenti, filfatt, ippruvaw jistaqsu lill-Kunsill Lokali… iżda żvijaw mill-mistoqsijiet u żejnu r-risposti tagħhom bi kliem sabiħ bħal; “din hija mmaniġġjata minn professjonisti”.

Fuq l-istess post, din ir-residenta qalet li ġiet kompletament injorata u baqgħet bla risposta mill-Kunsill Lokali… li suppost qiegħed hemm għall-ġid tar-residenti u bħala vuċi għalihom.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija wkoll irċieva bosta mistoqsijiet fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom… Ir-residenti staqsew biex jaraw il-pjanti għall-mogħdija l-ġdida pero huma sempliċement wieġbu li “Il-pjanijiet huma fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar – sa fejn jafu huma”… xhieda li lanqas biss kienu ċerti minn fejn kienu ġejjin il-pjanti ta’ proġett fil-lokalità tagħhom stess.