Sport Sport Ieħor

Ir-raba’ stadju tat-Tour de Pologne jsellem il-memorja ta’ Lambrecht

(Ritratt: EPA)

Ir-raba’ stadju tat-Tour de Pologne kien aqsar mis-soltu b’sinjal ta’ rispett wara l-mewt tal-Belġjan ta’ 22 sena Bjorg Lambrecht it-Tnejn. Iċ-ċiklist ta’ Lotto-Soudal miet l-isptar wara ħabta madwar 60 mil mit-tmiem tat-tielet stadju.

L-organizzaturi għażlu li jnaqqsu l-istadju minn 173 kilometru għal 133.7 kilometru biex isellmu lil Lambrecht. Fil-bidu nżammet minuta silenzju u sar l-istess fid-distanza ta’ fejn saret il-ħabta. Is-sitt ċiklisti ta’ Lotto-Soudal libsu faxxa sewda u qasmu l-linja finali f’Kocierz taħt arkata sewda b’isem u n-numru tat-tellieqa ta’ Lambrecht.

Id-direttur tat-tellieqa Czeslaw Lang qal li ma għandux kliem biex jiddeskrivi l-emozzjonijiet li qed iħossu bħalissa. Hu qal li jaqsam l-uġigħ mal-familja, it-tim ta’ Lambrecht u l-komunità taċ-ċikliżmu.

Lambrecht kienu meqjus bħala wieħed mill-aktar ċiklisti promettenti fil-Belġju u kien qed jikkompeti fit-tieni staġun tiegħu bħala professjonali. Is-sena l-oħra hu spiċċa t-tieni fil-Kampjonati tad-Dinja ta’ taħt it-23 sena.