Kultura Lokali Mużika

Jirritorna l-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Mifrux fuq 2 'Festivals' għall-Kbar u l-'Juniors'

Il-Kumitat Organizattiv tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, f’dawn l-aħħar sigħat nieda r-regolamenti u l-applikazzjoni għal dan il-konkors tal-kanzunetti bl-ilsien Malti, liema applikazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa 30 t’Awwissu fis-6 ta’ filgħaxija.

Dan il-konkors popolari, sinonimu mal-festi tal-Indipendenza u li ilhom isiru għall-għexieren ta’ snin, se jkun maqsum fuq 2 festivals, wieħed ddedikat għall-kbar u l-ieħor għat-tfal u ż-żgħażagħ.  L-applikazzjonijiet u r-regolamenti taż-żewġ konkorsi li se jiġu trażmessi LIVE fuq NET Television, jistgħu jinġabru mir-reception ta’ Media.Link Communications.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv tal-Konkors, id-deputat Robert Cutajar, tana aktar tagħrif dwar il-konkors kanzunetta Indipendenza Junior:

 “Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior se jkun riservat għat-tfal ta’ bejn is-6 u l-15-il sena. Id-differenza minn snin passati se tkun li filwaqt li se jkollna l-eliminatorja u imbagħad jgħaddu 20 għall-finali, fil-finali l-premijiet se jkunu qed jingħataw skont l-etajiet differenti. Bid-differenza li l-overall winner ikun iddikkjarat bħala r-rebbieħ tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior 2019.”

Il-konkors tal-kbar imbagħad se jkollu l-istess qafas bħal ta’ snin passati:

 “Minn 16-il sena ’l fuq bejniethom jikkompetu, ikollhom l-eliminatorja u imbagħad, b’ġurija apposta, ikun hemm l-aħħar 20 li jikkompetu fis-serata finali.”

Il-ġurija se tkun komposta minn 5 ġudikanti fil-fażi preliminari u b’7 fil-fażi finali biex b’hekk iwasslu għall-verdett finali tal-kanzunetti rebbieħa.

Kull kantant fiż-żewġ kategoriji tas-serati finali se jkollu numru abbinat miegħu tat-televoting biex it-telespettaturi ukoll jistgħu jwasslu l-fehma tagħhom dwar  il-kanzunetta preferita tagħhom. Minkejja li t-televoting mhuwiex se jiddetermina l-għażla finali tar-rebbieħa, il-kantanti se jikkompetu għall-premju tal-vot tal-pubbliku ukoll.

“Permezz ta’ dan il-festival bħala Partit Nazzjonalista qegħdin nagħtu spazju lit-tfal, liż-żgħażagħ, u kantanti promettenti illi qed intuhom pjattaforma fejn jistgħu joħorġu l-aħjar tagħhom mil-lat mużikali. Qegħdin nagħtu importanza lil-lingwa Maltija. Dan huwa wieħed mill-ftit festivals f’pajjiżna b’diski oriġinali bil-lingwa Maltija. Anki fil-ġurija, se jkollna nies li huma esperti fil-qasam mużikali iżda għaliex se nkunu qed nagħtu attenzjoni lejn il-lingwa Maltija u l-lirika oriġinali, se jkollna nies esperti u professjonali f’dak li għandu x’jaqsam it-tagħlim tal-lingwa Maltija.”