Sport Sport Ieħor

Judd Trump jerġa’ jsir is-sid numru wieħed tad-dinja

(Ritratt: Getty Images)

Judd Trump jinsab mal-aħħar tmienja tal-International Championship li qed isir fiċ-Ċina b’rebħa ta’ 6-2 fuq Joe Perry. Dan ifisser li hu reġa’ jinsab fl-ewwel post fir-rankings tad-dinja. Trump li għandu 29 sena, rebaħ tliet ranking tournaments flimkien mal-Kampjonat tad-Dinja f’Mejju li għadda.

Permezz ta’ din il-kwalifikazzjoni għall-kwarti tal-finali, Trump se jirċievi ftit aktar minn €23,000. Din hi l-ewwel darba li Trump jinsab fil-quċċata tar-rankings mill-2013 u qabeż lil Ronnie O’Sullivan. L-Ingliż jilgħab kontra Tom Ford mal-aħħar tmienja.

“Hu dejjem sabiħ li tkun fil-quċċata tad-dinja. Mark Selby dam għal perjodu twil u hu sabiħ li nirritorna fuq. Kull min jgħid li ma jridx ikun is-sid numru wieħed tad-dinja jkun qed jigdeb. Hu dejjem tajjeb li tkun fil-quċċata tal-isport tiegħek u għalhekk kuntent ħafna b’din il-kisba,” qal Trump.