Futbol Sport

L-offerta ta’ Inter għal Lukaku tissodisfa lil Manchester United

(Ritratt: Getty Images)

Il-kowċ Antonio Conte mistenni jkollu l-attakkant li ilu jitlob hekk kif Manchester United aċċettaw l-aħħar offerta preżentata minn Inter għall-attakkant Romelu Lukaku. L-aġent tal-plejer Federico Pastorello kien Londra biex preżenta l-proposta ta’ €65 miljun li jitħallsu f’żewġ pagamenti flimkien ma’ €10 miljuni bonus li jintlaħqu faċilment. Lukaku mistenni jasal Milan fis-sigħat li ġejjin u jagħmel l-eżami mediku qabel jiffirma kuntratt ta’ ħames snin b’salarju ta’ madwar €9 miljuni bil-bonus inkluż.

Lukaku ma lagħbx fil-pre-season ta’ Manchester United u fl-aħħar jiem kien qed jitħarreġ mal-klabb Belġjan hekk kif ma rrappurtax għat-taħriġ mal-klabb Ingliż fejn anki qed jissogra multa ta’ aktar minn €400,000. Lukaku ħass li ma kienx trattat b’mod ġust minn meta Ole Gunnar Solskjaer ħa t-tmexxija tat-tim f’Diċembru li għadda.

B’hekk hu mistenni jsir il-ħames akkwist ta’ Inter f’dan is-suq tat-trasferimenti wara d-difensur ċentrali Diego Godin u dak laterali Valentino Lazaro flimkien mal-midfielders Stefano Sensi u Nicolò Barella.