SIRENS GREENTUBE……………….. 8 SAN ĠILJAN TUM INVEST…………. 17
(3-7), (1-4), (1-4), (3-2)
San Ġiljan TUM Invest għamlu dikjarazzjoni ċara li se jkunu qed jagħtu s-saħħa kollha tagħhom fil-play-offs biex jirbħu l-kampjonat. Ir-rebħa ta’ 17-8 tista’ titqies bħala sorpriża hekk kif fl-aħħar dwelli bejn dawn iż-żewġ timijiet, Sirens dehru li kienu sabu tarf ta’ San Ġiljan.
F’din il-logħba xejn ma ħadem sew għal Sirens li nħasdu mir-reazzjoni bikrija Ġiljaniża. L-aggressività tat-tim ta’ Marko Orlovic fakkret fiż-żmien meta ddominaw il-kampjonat fl-2017 bl-ewwel sessjoni tkun b’saħħitha biex minn hemm setgħu jikkontrollaw il-logħba. Fuq kollox wirja stupenda ta’ Matthew Zammit li wera l-kwalitajiet tiegħu meta jkun fil-forma.
Ironikament kienu Sirens li marru 2-0 minn fuq b’doppjetta ta’ Christian Presciutti u wara li Dino Zammit naqqas id-distakk, Valentino Gallo għamilhom 3-1. Iżda minn hemm bdiet ix-xalata Ġiljaniża li ddominaw lill-avversarji b’sitt gowls konsekuttivi. Tlieta minnhom waslu minn Matthew Zammit, bil-gowl tas-7-3 jasal bi ġmiel ta’ backhand, f’dak li possibbilment hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ gowl tal-istaġun.
Sirens kienu maħsuda iżda kienet mistennija reazzjoni mingħandhom. Din ir-reazzjoni ma waslitx hekk kif San Ġiljan qatlu l-logħba b’gowls minn Andreas Galea, Matthew Zammit u Niksa Dobud għal 10-3 u daħlu jistrieħu 11-4.
L-anqas li kien mistenni minn Sirens f’dak il-mument kien li jnaqqsu d-distakk. San Ġiljan baqgħu juru s-superjorità tagħhom bi tliet gowls oħra minn tliet plejers differenti. Presciutti naqqas id-distakk u Matthew Zammit skorja s-sitt gowl personali għal 15-5. Fl-aħħar sessjoni huma amministraw il-logħba fejn anki Orlovic għażel li jagħti l-mistrieħ lill-plejers il-kbar fit-tim u daħħal liż-żgħażagħ fit-tim.
Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (1), C. Presciutti (3), P. Privitera, M. Grech (1), J. Brownrigg, I. Riolo, V. Gallo (3), J. Napier, E. Aquilina, L. Caruana, M. Sciberras, G. Galea Curmi, G. Mellilo, G. Farrugia
San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea (1), N. Dobud (4), G. Molina, M. Zammit (7), B. Plumpton (1), K. Dowling, T. Said, Da. Zammit (1), P. Fava, Di. Zammit (3), T. Micallef, J. Bonavia, J. Portelli
Referees: Peter Balzan, Domenico Rotondano
Exiles jirbħu u jaqbżu lil Marsaxlokk
MARSAXLOKK BROWN’S…………… 11 EXILES ELIA CATERERS……….. 15
(2-4), (2-4), (3-4), (4-3)
Finalment tasal l-ewwel rebħa ta’ Exiles Elia Caterers fil-Kampjonat Premier, tliet punti li bihom qabżu lill-istess Marsaxlokk Brown’s Pharma. Jekk it-tnejn ikunu eliminati fil-play-offs, Exiles ikunu spiċċaw fil-ħames post li jfisser li s-sena d-dieħla jevitaw lir-rebbieħ tal-Ewwel Diviżjoni fir-rawnd preliminari.
Ir-rebħa għal Exiles kienet aktar minn meritata, f’dik li faċilment hi meqjusa bħala l-aħjar logħba tal-istaġun. Fuq in-naħa l-oħra, Marsaxlokk iddiżappuntaw fejn ma kinux fil-forma tas-soltu, b’mod speċjali n-nuqqas ta’ aggressività li kienet aktar fit-tim ta’ Exiles.
Fl-ewwel sessjoni, Exiles kienu aktar attenti kemm fl-attakk kif ukoll fid-difiża, b’Ivan Nagaev ikun mgħasses tajjeb. Marsaxlokk kienu traskurati fix-xuttijiet u l-passaġġi fl-attakk. Exiles meritatament rebħu l-ewwel sessjoni 4-2 b’Timmy Sullivan u Michele Stellini jagħtu vantaġġ doppju. Marsaxlokk naqqsu d-distakk għal żewġ gowls f’żewġ okkażjonijiet iżda gowl lejn it-tmiem mix-xellug ta’ Nicky Paris reġa’ ta vantaġġ doppju.
L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni b’Nicky Paris ikabbar l-iskor għal 6-2 b’żewġ gowls identiċi wkoll mix-xellug u Michele Stellini skorja t-tieni gowl personali. Ivan Nagaev naqqas id-distakk u wara li Timmy Sullivan skorja għal Exiles, Nagaev naqqas id-distakk għal 8-4.
Marsaxlokk daħlu parzjalment fil-logħba fit-tielet sessjoni b’gowl ta’ Andrija Vlahovic. Exiles għaddew minn perjodu diffiċli hekk kif anki pprotestaw diversi drabi għal deċiżjonijiet tar-referees. Iżda l-gowl mis-centre ta’ Sullivan u ieħor ta’ Stellini, reġgħu tefgħu lil Exiles f’sitwazzjoni aktar komda, b’Marsaxlokk jiskorjaw tnejn mit-tliet gowls ta’ wara u għamlu l-iskor 12-7.
Fl-aħħar sessjoni Marsaxlokk skorjaw darbtejn wara xulxin iżda l-gowl ta’ Stellini qatel it-tamiet ta’ rimonta Xlukkajra. Sa tmiem il-logħba, Aurelien Cousin irnexxielu jwieġeb darbtejn għal Ivan Nagaev u skorja żewġ gowls mid-distanza għal rebħa tant mistennija.
Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Cacici, T. Agius (2), J. Galea, A. Vlahovic (3), I. Nagaev (5), S. Micallef (1), R. Scerri, M. Pace, L. Saliba, F. Buhagiar, M. Martellacci, K. Galea
Exiles: M. Castillo, M. Stellini (4), A. Magri, M. Jelaca, T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti (1), M. Vukicevic (1), A. Cousin (3), N. Paris (3), P. Paris, M. Martin, S. Apap, C. von Brockdorf
Referees: Stefan Licari, Domenico Rotondano
WATERPOLO – KAMPJONAT TAL-EWWEL DIVIŻJONI
Valletta dirett fil-finali tal-play-off
VALLETTA VIDEOSLOTS…………. 17 BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………. 11
(3-1), (6-4), (4-4), (4-2)
Valletta Videoslots kisbu r-rebħa importanti li kellhom bżonn u b’dawn it-tliet punti spiċċaw it-tieni rawnd fil-quċċata liema pożizzjoni tpoġġihom direttament fil-finali tal-play-offs. Il-Beltin kellhom prestazzjoni sodisfaċenti, anki jekk il-barranin tagħhom reġgħu ma kinux determinanti.
Birżebbuġa qatt ma kienu fil-vantaġġ u tul il-logħba rari taw l-impressjoni li setgħu jieħdu l-kontroll tal-logħba. Din it-telfa twassalhom biex ikollhom jilagħbu l-play-off kontra Ta’ Xbiex u jekk jgħaddu, jilagħbu s-semifinali. Doppjetta ta’ Michele Mifsud poġġiet lil Valletta 2-0 minn fuq u wara Jake Bajada naqqas id-distakk, reġa’ kien Mifsud li b’hekk skorja tripletta fl-ewwel sessjoni.
Birżebbuġa naqqsu d-distakk għal gowl darbtejn fit-tieni sessjoni, sakemm Miguel Zammit u Michele Mifsud għamlu l-iskor 6-3. Christian Mifsud u Antun Goreta naqqsu d-distakk għal gowl iżda Valletta wieġbu b’doppjetta ta’ James Spiteri Staines u penalty ta’ Dmitri Kholod biex daħlu jistrieħu 9-5.
F’mument minnhom fit-tielet sessjoni, Birżebbuġa naqqsu d-distakk għal 10-8 iżda Valletta kienu effettivi fl-attakk u kabbru d-distakk għal ħames gowls permezz ta’ Andrea Bianchi u doppjetta ta’ Miguel Zammit, b’Goreta jnaqqas id-distakk.
Gowls ta’ Petkovic u Goreta daħħlu lil Birżebbuġa fil-logħba u f’perjodi minnhom, Valletta dehru li tilfu ftit il-kontroll tal-logħba, bit-tim ta’ Pierre Borg jagħfas biex jibqa’ fil-logħba. Fl-aħħar tliet minuti huma kellhom lil James Spiteri Staines, Daniel Paolella, Miguel Zammit u Dmitri Kholod barra u għalhekk il-kowċ Joe Sciortino kien ftit ristrett fl-għażla. Iżda huma mhux biss assiguraw ir-rebħa, iżda temmew il-logħba b’distakk ta’ sitt gowls wara erba’ gowls konsekuttivi.
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), A. Agius (1), P. Borg, A. Bianchi (2), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (5), C. Zammit, M. Zammit (3), D. Kholod (1), N. Farrugia (1), R. Bonnici, S. Misic, M. Cordina (2)
Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud (1), A. Petkovic (2), S. Vassallo (1), D. Cutajar (1), J. Bajada (2), M. Cutajar, A. Goreta (4), M. Ortoleva, J. Cremona, C. Farrugia, L. Borg
Referees: Ronnie Spiteri, Andrea Zedda
//= $special ?>