Sport Waterpolo

Miguel Vassallo jħoss il-piż ta’ gowlkiper iżda jqis li s-sodisfazzjon meta jsalva hu fenomenali

(Ritratt: Trevor Sollars)

Gowlkiper ta’ 16-il sena. Lagħab mat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15 u s-17-il sena. Eks Neptunes, jilgħab ma’ Sliema u diġà kellu esperjenza barra minn Malta. Dan hu dak li kkaratterizza l-karriera ta’ Miguel Vassallo sa issa. Minkejja l-età tiegħu, Vassallo diġà għamel l-ewwel passi fil-kampjonati tal-kbar. Is-sena l-oħra hu kien il-gowlkiper regolari ta’ Ta’ Xbiex fl-Ewwel Diviżjoni u wara xi logħbiet ma’ Sliema fl-Enemed Cup, hu kien il-gowlkiper regolari ta’ tas-Slimiżi fil-Kampjonat tax-Xitwa fejn saħansitra għen lit-tim biex jasal sal-finali.

Din l-esperjenza għenet lil Miguel Vassalo biex iħares lejn il-perspettiva li l-ħażen tal-logħba. “Trid tħares lejn il-ballun, tkun iktar konċentrat u għenitni nikber ukoll fil-karattru għax mod tilgħab maż-żgħar meta inti huma tal-età tiegħek u mod tilgħab mal-kbar li huma ta’ kalibru fenomenali.”

F’dan il-Kampjonat tas-Sajf, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena hu r-riserva tal-gowlkiper Joseph Parnis. Għalkemm il-ħin tiegħu hu limitat mal-kbar, Vassallo jħoss li din l-esperjenza qed tgħinu ħafna għaliex jemmen li hu ta’ ġid li jkollu lil xi ħadd aħjar minnu. Hu jħoss li qed jikber fil-kapaċitajiet tiegħu u tgħallem li ma jaqtax qalbu u jieħu l-affarijiet aktar bis-serjetà.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Kif jaħsbuha Sergio Afric u Karl Izzo fuq Miguel Vassallo?

Il-kowċ ta’ Miguel Vassallo mat-tim ewlieni ta’ Sliema hu Sergio Afric. Il-veteran Kroat jitkellem kif jaħsibha fuq il-gowlkiper żagħżugħ. “Hu bravu, serju u jaħdem b’impenn. Tama tajba għall-futur. Għalissa qed nużawh fil-kategoriji tiegħu mingħajr ma nisforzawh fiżikament għaliex għadu żagħżugħ ħafna. Madankollu qed nagħtuh ħafna ċans anki fil-Kampjonat tax-xitwa, fit-tournament Enemed Cup u għadda bl-aħjar mod. Naraw, is-sena d-dieħla xi ħaġa iżjed, dejjem xi ħaġa iżjed. Qed niżviluppawh. Hu gowlkiper bravissimu u talent kbir tal-waterpolo Malti.”

Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo hu tal-opinjoni li Miguel Vassallo hu plejer determinat li jitjieb u jgħinu wkoll li qed jitwal bħala persuna. “Miguel jiena rajtu jikber ukoll. Sena wara sena qed jagħmel dak il-progress u naf li qed jagħmlu wkoll bil-ħila ta’ Sergio, bil-ħila ta’ Dato li huma jittrenjawh sew, li jagħtu kasu wkoll u bil-ħila tat-training li jagħmel għax huwa plejer li ma jaqtax qalbu u jħobb jittrenja wkoll.”

Afric kompla li Vassallo hu reattiv u jirrispondi tajjeb, jifhem ħafna l-logħob, ħafif fuq riġlejh u għandu pożizzjoni tajba. “Biex ngħidu kollox għandu dak kollu li għandu jkollu gowlkiper. Jonqos li issa jrid jikber f’dan kollu,” qal il-kowċ Slimiż.

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-irwol ta’ gowlkiper

Ħafna jgħidu li biex tim jirbaħ irid ikollu gowlkiper tajjeb. Miguel Vassallo jħoss dan il-piż fuqu għaliex żball ta’ gowlkiper jidher aktar iżda fl-istess ħin jgħid li “s-sodisfazzjon li tħoss jekk tirbaħ jew tilqa’ huwa fenomenali. Minħabba li parti mill-irwol ta’ gowlkiper fil-logħba hu li jgħajjat mal-plejers, staqsejt jekk hix skomda għalih li fl-età tiegħu jgħajjat mal-plejers ta’ Sliema li huma akbar minnu fl-età.

“Ma nsibix skomda għax l-irwol ta’ gowlkiper huwa li jgħajjat, iżomm il-kalma, imexxi lit-tim allura dik hi parti minn xogħli, ma naħsibx li għandhom jiħduha personali jew xi ħaġa għax jien iżgħar minnhom għax parti mil-logħba.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Ġurnata tipika ta’ Miguel Vassallo fix-xitwa tkun li jagħmel l-iskola mis-7.00am sas-2.30pm u wara li jmur id-dar jistudja u jkollu l-privatijiet, iqis il-waterpolo bħala l-waqfa tiegħu. “Meta jiġi l-ħin tal-waterpolo m’hemm xejn aktar, hija ħin il-waterpolo u ħin l-istudju ħin l-istudju.” Meta eżempju kien hemm il-logħob tat-tim nazzjonali, bħala taħriġ kienu jitħarrġu qabel l-iskola fil-5.00am, xhieda tal-impenn ta’ dawn iż-żgħażagħ.

Bħala gowlkipers jgħumu ħafna anqas mill-plejers iżda jkollhom taħriġ għalihom li jiffoka aktar fuq is-saqajn. Huma jaħdmu aktar fil-gym biex ikollhom l-aġilità neċessarja fil-lasta. Karl Izzo jemmen li gowlkiper jista’ jitjieb speċjalment jekk jaħdmu fuq it-taħriġ fuq ir-riġlejn. Hu żied li jridu fil-gym, bil-medicine balls u bl-elastics, kollha eżerċizzji speċifiċi biex jitjiebu fil-lasta.

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-esperjenza ma’ Brescia u l-futur tiegħu

Forsi kuntrarju għall-plejers tal-età tiegħu, Miguel Vassallo diġà kellu esperjenza ta’ waterpolo barra minn Malta. Bejn Ottubru u Novembru tal-2016 kif ukoll is-sena l-oħra, Vassallo kellu esperjenza tal-klabb Taljan Associazione Nuotatori Brescia, klabb li tah l-opportunità li jduq id-differenza li hemm speċjalment fid-dixxiplina.

Miguel Vassallo jitkellem dwar din l-esperjenza u d-differenza bejn Malta u l-Italja. “L-esperjenza barra minn Malta hija waħda li ma tistax tiddeskrivi. Hija esperjenza sabiħa ħafna, tilgħab ma’ plejers ta’ kalibru għoli ħafna, ikunu diġà qishom il-kbar tagħna.”

“Il-ħaġa wkoll hija li għal gowler hi tajba ħafna li jkollok tmur tilgħab barra minn Malta. Hawn Malta tilgħab sitt logħbiet, seba’ logħbiet, barra minn Malta għandek 20 logħba, jiġifieri għandek aktar esperjenza minħabba li għandek aktar logħbiet. Ukoll għenitni jiena nara x’livell qegħdin barra minn Malta u fejn irrid nasal biex forsi xi darba nsiefer u nilgħab barra minn Malta.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Karl Izzo kkonferma li l-intenzjoni ta’ Vassallo din is-sena hi li jerġa’ jmur jilgħab ma’ Brescia. “Qed nippruvaw naraw daqsxejn il-kalendarju u l-possibbiltà meta jkun jista’ jmur u ma jistax imur. għax aħna tinsix li jkollna l-esiġenzi tal-kampjonat f’Malta u l-esiġenzi tat-tim nazzjonali wkoll. He wants he’s willing u jiena ninkoraġġih għax huwa tifel tajjeb ħafna, tifel sew, tifel li anki fit-tim jgħin.” Hu żied li Vassallo jogħġbu bħala gowlkiper għaliex jitkellem fil-logħba, jgħin fid-difiża u jemmen li fil-futur jista’ jħabbatha faċilment mal-bibien tat-tim nazzjonali.

Din l-esperjenza żgur għenet liż-żagħżugħ ta’ Sliema biex ikollu idea aktar ċara jekk hu jridx karriera barra l-pajjiż. Iżda qabel, jagħmel dan il-pass, Miguel l-ewwel irid jiggradwa bħala tabib u wara saħaq li hu lest biex isir gowlkiper professjonali f’dan l-isport.“ Mhix faċli ħafna, bogħod mill-familja, bogħod mill-ħbieb imma l-ferħ li tħoss f’qalbek meta tagħmel dak li trid hi xi ħaġa sabiħa wisq.”

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demand https://netondemand.mt/play/3188

Tags