Ekonomija Lokali

78,685 persuna f’pajjiżna f’riskju ta’ faqar

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ħareġ statistika li turi biċ-ċar li l-ġid komuni u s-surplus li tant jiftaħar bih il-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux jasal għand kulħadd.

Il-Gvern għamel konferenza stampa sħiħa jitkellem dwar l-unika parti tar-rapport li fih pajjiżna għamel qabża għall-aħjar ta’ 0.3%.

Madanakollu, injora għal kollox il-fatt li 78,685 persuna qegħdin f’riskju ta’ faqar… rata ta’ 16.8% tal-popolazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar.. numri li juru żieda mill-aħħar stħarriġ… Dan biex wieħed ma jsemmix ukoll l-113,238 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar meta tinkludi benefiċji bħal penzjoni.

Wieħed tajjeb ifakkar li din l-istatistika titratta is-sena 2017 u parti minnha l-2018 u għalhekk staqsejna lill-Ministru jekk iħasbux il-fatt li fl-aħħar ġranet għola l-fjuwil, il-ħalib u l-ħobż fost oħrajn.. fatt li żgur mhux se jgħin fi statiistika li toħroġ fi snin li ġejjin.

Huwa allarmanti l-fatt li kemm dawk li jaħdmu, dawk ta’ bla xogħol u oħrajn li rtiraw kollha raw żieda fir-riskju li jispiċċaw fil-faqar… fatt li juri li l-għoli tal-ħajja, pagi baxxi u penzjonijiet mhux jitilgħu bl-istess rata u qed jispiċċa jbati kull qasam tas-soċjetà.

Statistika oħra li ħarġet minn dan ir-rapport hi li hemm madwar 36 elf ruħ li m’għandhom biżżejed flus biex iżommu d-dar tagħhom sħuna fix-xitwa, 27 elf ruħ li ma jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ, ħut jew veġetarian u 12-il elf ruħ li mhux jibqalhom biżżejed flus fl-aħħar tax-xahar biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-loans tal-bank… ‘il fuq minn 9,500 m’għandhomx biex jixtru karozza.

Din iż-żieda f’dawk f’riskju ta’ faqar dehret l-aktar fl-anzjani ta’ fuq il-65 sena u dawk li jgħixu waħedhom li n-numru tagħhom kompla jikber u laħaq il-kważi 14-il elf.

l-istħarriġ Ewropew tal-istatistika dwar id-dħul u l-kondizzjonijiet tal-għajxien huwa stħarriġ annwali maħruġ mill-NSO dwar persuni li joqogħdu fi djar privati f’Malta u Għawdex. L-istatistiċi tad-dħul jirreferu għas-sena kalendarja 2017, filwaqt li komponenti mhux tad-dħul bħal privazzjoni tal-materja jirreferu għall-2018, li hija s-sena tal-ġbir tad-dejta.

Ritratt: Martin Agius