Sport

Preżentata għajnuna finanzjarja lir-rebbieħa ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali

(Ritratt: Martin Agius)

Erba’ atleti individwali, uffiċjal, kowċ u tim nazzjonali, kienu uffiċjalment preżentati b’assistenza finanzjarja minn Maltco Lotteries, wara s-suċċess tagħhom aktar kmieni din is-sena fl-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali.

F’din is-serata ġew onorati l-aqwa atleti u uffiċjali lokali, li spikkaw kemm fix-xena lokali kif ukoll internazzjonali. Il-preżentazzjoni saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries Vasilev Kasiotakis fejn tenna li bħala kumpanija huma kommessi li jassistu lill-isport lokali.

Jakkumpanja lill-atleti u l-uffiċjali, kien hemm il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Membru tal-Eżekuttiv Joanna Camilleri. Micallef irringrazzja lil Maltco Lotteries u lil Kasiotakis tal-impenn lejn l-organizzazzjoni. L-edizzjoni li jmiss tal-Isport Malti Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali, se tkun is-60 edizzjoni u se jkunu onorati dawk li jispikkaw matul din is-sena.

Il-preżentazzjoni mill-Maltco Lotteries saret lil dawn ir-rebbieħa:

Sportiv tas-Sena: Brian Galea – Sparar

Sportiva tas-Sena: Eleanor Bezzina – Sparar

Żagħżugħ tas-Sena: Kijan Sultana – Squash

Żagħżugħa tas-Sena: Sara Xuereb – Tenpin Bowling

Uffiċjal tas-Sena: Anna Calleja – Special Olympics

Kowċ tas-Sena: Karl Izzo – Waterpolo

Tim tas-Sena: Tim Nazzjonali Rġiel – Basketball