Futbol Sport

Real Madrid qed iħarsu lejn il-possibbiltà li jakkwistaw lil Neymar

(Ritratt: Sky Sports)

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li Real Madrid jinsabu f’diskussjonijiet ma’ Paris Saint-Germain dwar il-possibbiltà li jakkwistaw lil Neymar. L-attakkant Brażiljan jidher li tkellem mal-klabb Franċiż u urihom ix-xewqa jħalli l-klabb li ngħaqad miegħu fl-2017, iżda PSG għadhom ma rċevewx offerta formali.

PSG mhux mistennija li jaċċettaw offerta sakemm ma jkunux kapaċi li jdaħħlu lura s-somma rekord ta’ €222 miljun li nefqu fuq il-Brażiljan. Ftit jiem ilu, il-Viċi President ta’ Barcelona Jordi Cardoner qal li t-trasferiment mhux possibbli għalissa u dan fetaħ bieb biex ir-rivali tagħhom jakkwistawh.

Neymar kellu erba’ snin ta’ suċċess ma’ Barcelona u fosthom rebaħ darbtejn il-kampjonat, il-UEFA Champions League u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs. Hu kien fid-dell ta’ Lionel Messi u meta ngħaqad ma’ PSG rebaħ darbtejn il-kampjonat u skorja 51 gowl f’56 logħba.

Real Madrid kienu attivi f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif qed jippruvaw jibnu tim ġdid wara li l-istaġun li għadda spiċċaw 19-il punt wara Barcelona. Huma sa issa akkwistaw lil Luka Jovic, Eder Militao, Ferland Mendy u Eden Hazard u nefqu madwar €250 miljun.

Tags