Ħames atleti pparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eleiko Weightlifting International Club. Fil-kategorija tal-irġiel, il-klabb Alpha temm fil-11-il post minn 66 klabb filwaqt li fil-kategorija tan-nisa temmew fil-21 post minn 59 klabb.
B’kollox ħadu sehem 107 klabbs b’aktar minn 750 atleta jipparteċipaw. Il-pajjiżi li pparteċipaw kienu l-Finlandja, New Zealand, l-Afrika ta’ Isfel, il-Gran Brittanja, l-Indonesja, il-Kiribati, l-Awstralja, Solomon Islands, Nauru, New Caledonia, Niue u Papa New Guinea. Dawn il-kompetizzjonijiet saru f’kull pajjiż fl-istess ġranet, b’ġurija internazzjonali żammet ir-riżultati tar-refgħat u bagħtet ir-riżultati lill-organizzazzjoni tal-Oceania.
Iż-żagħżugħa ta’ 13-il sena Tenishia Thornton rebħet il-kategorija ta’ taħt is-17-il sena fil-kategorija tal-45kg b’total ta’ 52kg snatch u 64kg clean and jerk. Tristan Zammit spiċċa t-tieni fil-kategorija ta’ 102kg bi snatch ta’ 92kg u clean and jerk ta’ 108kg. Ukoll fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, Shelby Mangion Vassallo spiċċat it-tielet fil-kategorija tal-71kg bi snatch ta’ 62kg u clean and jerk ta’ 76kg.
Fil-kategorija tal-irġiel, Brian Muscat u Vlad Baldacchino temmew it-tielet fil-kategorija tagħhom. Muscat ħa sehem fil-kategorija tad-89kg bi snatch ta’ 120kg u clean and jerk ta’ 146kg. Hu qed jipprepara biex jikkwalifika għall-edizzjoni li jmiss tal-Tazza tal-Mediterran li se ssir f’San Marino f’Ottubru li ġej. Vlad Baldacchino spiċċa bi snatch ta’ 128kg u clean and jerk ta’ 155kg fil-kategorija tal-102kg.
//= $special ?>