Lokali

Trabijiet u trakkijiet… u l-ebda ħjiel tat-tlestija

415-il jum ta’ trab, servizzi maqtugħa, u  inkonvenjent liema bħalu għal dawk kollha li jgħixu fil-madwar.

Il-Gvern jinsab f’paniku wara l-filmati mxandra minn Net TV, bi Triq il-Wied f’Ħal Balzan għadha qisha zona tal-gwerra, daż-żmien kollu wara li bdew ix-xogħlijiet.

Il-proġett li skont Transport Maltanm kellu jsir “f’fażijiet differenti”  kellu jkun lest f’madwar erba’ xhur, iżda issa ilu għaddej 14-il xahar, u bla ħjiel ta’ tlestija.

In-Nazzjon ħa l-kummenti ta’ Ian Spiteri, Sindku tal-lokalità ta’ Ħal Balzan li qalilna li proġett bħal dan ma seta’ qatt jitlesta fi żmien daqsekk qasir kif kien ġie imwiegħed.

Staqejna lil Ian Spiteri jekk hemmx ħjiel ta’ meta se jkun lest ix-xoghol, meta għaddiet iktar minn sena mindu  beda x-xogħol, izda hu qal li la Infrastructure Malta, la l-kuntrattur u lanqas il-Ministru ma jafu meta se jitlesta.

Ian Spiteri saħaq li l-kunsill ma waqafx milli jagħmel pressjoni sabiex ix-xogħlijiet jitlestew mill-aktar fis possibbli.

Imma sadanittant, din iz-zona f’Ħal Balzan għadha mifnija bi trabijiet u trakkijiet,  u r-residenti għadhom jistennew li xi ħadd fl-aħħar jgħidilhom verament meta se titlesta din it-triq. Għaliex lanqas il-Ministru Ian Borg ma kien jaf id-data tat-tlestija.