Lokali

Awguri Adrian

Illum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, jagħlaq 50 sena.

Deskritt min-nies l-iktar viċin tiegħu bħala persuna pożittiva ħafna f’kull sitwazzjoni tal-ħajja u persuna li għandu mħabba kbira lejn it-tfal tiegħu.

Adrian Delia twieled fit-8 ta’ Awwissu tal-1969, iben Andrew u Alice u ħu Anthony.

Twieled, għex u trabba f’Birkirkara. Attenda skola fil-Kulleġġ San Alwiġi qabel studja u gradwa bħala avukat mill-Università ta’ Malta fl-1993.

Adrian Delia hu missier ta’ ħamest itfal; żewġt ibniet u tliet subien.

Fix-xogħol tiegħu fil-politika il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera li hu raġel tal-poplu u kien dejjem viċin in-nies xi ħaġa li għadu jagħmel sal-lum u wiegħed li se jibqa’ jagħmel.

Hu kien ħabbar il-kanditatura tiegħu fil-25 ta’ Ġunju 2017 u fuq il-media soċjali kien qal li se jikkontesta

“Biex Inservi, nisma’ l-għajta tal-poplu, il-karba tal-Partit, nidħol b’qalb kbira, enerġija ma taqtax, mhux meta fil-glorja iżda fl-ikbar bżonn. U flimkien nibnu mill-ġdid il-Partit tal-ħafna mhux tal-ftit.”

Nhar it-2 ta’ Settembru 2017, huwa kien l-iktar kontestant li kiseb voti mill-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni.

Fit-tieni rawnd, Adrian Deia kien elett Kap, preċiżament, fis-16 ta’ Settembru 2017 biex sar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista b’ maġġoranza ta’ voti minn 14,750 tal-voti tal-membri tal-partit, f’dik li kienet elezzjoni ta’ tmexxija storika tal-partit, għall-ewwel darba f’elezzjonijiet ta’ dan it-tip f’Malta.

Adrian Delia kien ko-optjat fil-Parlament fl-4 ta’ Ottubru 2017 u ġie uffiċjalment maħqtur Kap tal-Oppożizzjoni fis-6 ta’ Ottubru 2017, fejn kif wiegħed fil-kampanja tiegħu, kompla jifhem aħjar dak li l-elettorat irid jara li jingħata prijorità f’ħajjithom u dejjem baqa’ viċin tan-nies.

F’Lulju li għadda Adrian Delia mar quddiem il-kunsilliera tal-PN u f’vot ta fiduċja reġa kiseb il-maġġoranza tal-voti u saħansitra żied fil-perċentaġġ.

Sa mill-ewwel mumenti tiegħu bħala Kap tal-partit Adrian Delia tkellem b’messaġġ ta’ għaqda filwaqt li dejjem kompla jinsisti li ħadd mhu ikbar mill-partit.

Iżda, qabel sar Kap tal-PN, x’għamel Adrian Delia;

Waqt li kien student tal-Università, il-Kap tal-PN ħadem f’Radio 101.

Sussegwentament, bħala avukat, bi kważi 25 sena esperjenza hu kiseb reputazzjoni mpekkabli.

Adrian Delia kien ukoll President tal-klabb tal-futbol Birkirkara fejn jibqa’ msemmi li taħt it-tmexxija tiegħu rnexxielu jkun l-ewwel klabb Malti li għadda għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni f’kompetizzjoni Ewropea.

Awguri Adrian.

Fl-okkażjoni ta’ għeluq snin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista illum, NET FM se jkun qed iniedi inizjattiva matul il-jum li matulha s-semmiegħa se jkunu jistgħu jagħtu donazzjoni ta’ €10 jew €25.

Id-donazzjonijiet jistgħu isiru fuq in-numri 5160 2003 għal donazzjoni ta’ €10 jew 5180 2011 għal donazzjoni ta’ €25.