Lokali

“Iż-żieda fil-fjuwils hi daqqa għall-ħaddiema” – David Agius

Il-PN se jibqa’ jitkellem għall-poplu Malti u Għawdxi u se jibqa’ jinsisti billi jagħmel aktar pressjoni fuq il-Gvern

Fl-ewwel jum tax-xahar, meta f’pajjiżna kulħadd qam filgħodu u sab ma wiċċu żieda ta’ 5ċ kull litru fil-prezz tal-petrol u d-diesel, fis-swieq internazzjonali l-prezz taż-żejt ħa l-akbar daqqa ‘l isfel f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan meta f’jum wieħed il-prezz internazzjonali taż-żejt niżel b’7.9% għall-valur ta’ $54 kull barmil.

Dwar l-aħħar żidiet fil-prezz tal-petrol u d-diesel tkellem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija David Agius, illi sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex il-Gvern jagħti sussidju lill-familji. Huwa qal li hemm dazzju u taxxa fuq dan li huwa fost l-aktar għoli fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Hu kien qed jikkummenta f’intervista li kellu mal-avukat Roberta Bonello waqt il-programm ‘Magħkom’ fuq Net Television.

“Il-Gvern kien qal li jrid jeradika l-faqar, illum in-nies f’riskju ta’ faqar żdiedu”

Huwa qal li ż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel se tfisser piż kbir fuq il-familji u n-negozji, partikolarment issa meta pajjiżna – kif żvela l-Ministru tal-Finanzi innifsu – jinsab riesaq lejn perijodu ta’ slowdown ekonomiku.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-effett taż-żieda fil-fuels irid jittieħed ukoll fil-kuntest ta’ żidiet oħra li kellna fl-aħħar jiem, partikolarment fil-prezz tal-ħalib lokali u l-posta – prezzijiet li qed iwasslu biex aktar familji jispiccaw f’riskju ta’ faqar u qed jikkawżaw l-għoli tal-ħajja, Fid-dawl ta’ dan pajjiżna qed jaffaċċja wegħdiet fierħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li mhu jwasslu għal imkien.

David Agius insista li l-Partit Nazzjonalista huwa dak il-Partit li fil-Gvern qassam il-ġid komuni kif suppost, u li issa mill-Oppożizzjoni qed joffri li jkun alternattiva denja għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Il-Partit Nazzjonalista kien il-Partit li ħoloq il-ġid, li investa fis-setturi tan-nies, għandna track-record tajjeb u m’għandniex nistħu nitkellmu dwaru”

Dan b’kuntrast mal-Gvern Laburista li donnu nesa’ għal kollox lill-ħaddiem, u lin-nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.