Futbol Sport

Astana jikkonfermaw is-superjoritá fuq Valletta b’rebħa kbira

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta kienu megħluba bl-iskor ta’ 5-1 fil-Każakistan kontra Astana, fl-ewwel leg tat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League. Kif jixhed l-iskor, id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet kbira, b’Astana jiddominaw speċjalment fl-ewwel taqsima.

Huma kellhom bżonn tmien minuti biex fetħu l-iskor, bi kross mix-xellug ta’ Dorin Rotariu jsib lil Runar Mar Sigurjonsson li tħalla waħdu u għeleb lil Henry Bonello b’xutt fil-baxx. L-iskor sar 2-0 mal-kwarta logħob bi free-kick mix-xellug isib lil Yuri Logvinenko li għeleb lil Bonello b’daqqa ta’ ras.

Astana għamluhom tlieta fil-35 minuta, b’Marin Tomasov iqabbeż fuq Henry Bonello minn angolu ristrett min-naħa xellugija. L-iskor sar 4-0 fis-57 minuta b’azzjoni mix-xellug u kross fil-baxx lejn Sigurjonsson li b’xutt fil-baxx minn qagħda ideali tefa’ wara Bonello.

Valletta rnexxielhom inaqqsu d-distakk fis-67 minuta b’Mario Fontanella jirċievi passaġġ vertikali u b’xutt fil-baxx għeleb lil Nenad Eric. Il-kowċ Belti Darren Abdilla daħħal lil Matteo Piciollo bl-għan li jipprova jiskorja t-tieni gowl, iżda fit-80 minuta, Astana skorjaw il-ħames gowl, bis-sostitut Rangelo Janga jiskorja b’xutt fil-baxx. Il-partita ta’ ritorn tintlagħab il-Ħamis 15 ta’ Awwissu fit-8.00pm fl-Istadium Nazzjonali.