Lokali

Fost n-nies fin-negozju qed jinħass li s-saħħa tal-flus qed tonqos

Beda jidher biċ-ċar li s-saħħa tal-flus qegħda tonqos, dan is-sentriment qegħdin iħossu n-nies fin-negozju li qegħdin jaraw ukoll kif  pagamenti  qegħdin jaqgħu lura u hemm min beda jħallas bit-tpartit. Fil-qasam tal-kostruzzjoni, bosta self employed u sidien ta’ negozji żgħar qegħdin jilmentaw li meta jsiru il-kontijiet, wara li jinqatgħu l-ispejjeż, il-qliegħ li jibqgħalhom ma jikkumparax tajjeb max-xogħol kollu li jkun sar.

Edwin Vassallo, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd permezz ta’ stqarrija qal li filwaqt li self employed u sidien ta’ negozji li huma bennejja qegħdin jilmentaw min-nuqqas ta’ xogħol li soffrew minnu dawn l-aħħar ġimgħat, li kien ifisser żmien bla dħul ta’ xejn. Bosta self employed u sidien ta’ negozji żgħar f’setturi oħra qegħdin jilmentaw miż-żieda tal-ispejjeż, issa wkoll b’mod speċjali biż-żieda fil-prezz tal-petrol u tad-diesel li se tkun żieda li se tkompli żżid mal-ispejjeż tan-negozji li qed joħolqu diffikultajiet kbar għall-istess negozji. 

Il-bejgħ tal-propjetà  għaddej minn żmien  fejn jinħass tnaqqis u din r-realtà ħolqot ukoll problemi għal min kellu  bżonn ibiegħ sabiex iserraħ moħħu mid-dħul li jkollu bżonn biex jagħmel tajjeb għall-pagamenti oħra dovuti. Self employed fis-settur tar-retail u dawk relatati  mat-turiżmu qegħdin jaraw il-bejgħ jonqos mis-saħħa tiegħu. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsab qrib tas-self employed u qed jisma’ l-esperjenzi u jifhem il-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji. Il-Gvern iżda ma jimpurtahx, u lanqas ma jimpurtah li jifhem il-prezz tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijet tiegħu kif jolqtu lil min qed iħallas il-prezz tagħhom.