Lokali

Ħames nisa misruqa u attakkati f’lejl wieħed

Ikompli s-serq fuq persuni f’postijiet pubbliċi.

L-ewwel każ seħħ fil-Gżira għall-ħabta tal-11.15pm meta żewġ nisa kienu jinsabu ġo Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa.

Iż-żewġ nisa rraportaw li persuna avviċinathom u ħatfet basket mingħand waħda minn nisa. Il-ħalliel irnexxilu jaħrab minn fuq il-post.

In-nisa, it-tnejn għandhom 35 sena b’waħda residenti Bormla u oħra l-Mosta rrifjutaw l-assistenza medika.

Intant, ftit sigħat wara f’Tas-Sliema, tliet nisa oħra rraportaw b’każ ieħor ta’ attentat ta’ serq wara li ġew attakkati minn ħalliel.

Il-każ seħħ f’Xatt Tas-Sliema għall-ħabta tal-4am hekk kif sar rapport lil Pulizija. Żewġ nisa minnhom, waħda minnhom ta’ 25 sena mill-Kroazja, ittieħdu l-Isptar Mater Dei  għal kura

Sfortunatament, il-ħalliel irnexxilu wkoll jaħrab minn fuq il-post iżda b’fortuna tajba telaq b’idu f’idu.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin biex isibu liż-żewġ ħallelin.