Lokali

“Il-Gvern mhux qed jgħid il-verità kollha”

“Il-partijiet kollha għandhom jitlaqgħu madwar mejda sabiex issir diskussjoni serja fuq kwistjonijiet li jolqtu lil ħaddiema għal kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Kien dan kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Vella waqt il-programm “Xogħol Aħjar” fuq NET FM ippreżentat minn Ivan Castillo.

Rigward iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils, Josef Vella għal darba oħra talab lill-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jisimgħu t-talba għall-diskussjoni mal-imsieħba soċjali biex jaraw kif il-prezzijiet tal-fjuwils qed ikunu kkalkulati.

Vella saħaq li ż-żidiet fil-prezzijiet ta’ bżonnijiet bażiċi, fosthom il-ħobż, il-ħalib u l-fjuwils huma “prodotti essenzjali għall-familja u għall-postijiet tax-xogħol.”

Hu kompla jgħid li jekk il-Gvern ma jieħux azzjoni dwar din il-problema, wieħed se jkollu jistenna sal- 2021 biex jingħata rimedju fil-Budget. F’dan il-każ, kull familja se tqatta’ sena u nofs iġorru piż finanzjarju.

Iżda dan mhux biss hekk kif anke l-industrija trid tagħmel il-kalkoli u l-ispejjeż tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv qal li “l-Gvern qed jiżvija lin-nies meta jgħid li l-prezz tal-fuel f’Malta huwa mqabbel mal-medja Ewropea. Il-Gvern qed jieqaf hemm u ma jgħidx il-verità kollha għax il-pagi tagħna mhumiex komparabbli mal-medja Ewropea – huma ħafna inqas.”