Għawdex Lokali

Il-Kunsilliera Lokali tal-PN tal-Qala kontra l-izvilupp ta’ Villa f’ODZ

F’laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret nhar it-Tlieta, il-Minority Leader tal-Qala Karl Buttigieg u l-Kunsilliera Valerie Cassar Mejlak ddikjaraw li huma kontra kull żvilupp fiz-zona magħrufa bħala Ta’ Muxi fil-Qala fejn hemm applikazzjoni biex kamra rurali mwaqqa’ u numru ta’ għelieqi ħdejha jinbidlu għal villa bil-pool.

Il-Kunsill Lokali qabel li għandu jitqabbad team legali ta’ esperti li jmexxi l-argumentazzjoni tal-Kunsill kontra dan l-iżvilupp spekulattiv. Għal dan il-għan ġiet approvata riżoluzjoni fejn ġew imqabbdin l-Avukat Claire Bonello u l-Perit Carmel Cacopardo biex jirrapreżentaw il-Kunsill u jagħmlu s-sottomissjonijiet u l-proċeduri kollha neċċessarji f’dan l-każ.

Nhar it-Tlieta li għadda kellha tittieħed deċizjoni fuq din l-applikazzjoni mill-Kumissjoni tal-Ippjanar, izda d-deċiżjoni kellha tiġi postposta għall-1 ta’ Ottubru, għax l-iżviluppatur ddikjara li ser jagħmel pjanti ġodda biex iċekken l-iżvilupp.

Il-Kunsill tal-Qala dejjem kien konsistenti u oġġezzjona għal kull applikazzjoni għal żvilupp fir-raħal li tinsab f’ODZ. Kien Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza tal-PN li kien beda joġġezzjona bis-sħiħ kontra l-proġett massiv li kien u għadu propost għall-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.