Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN sodisfatt li l-proposta li kien ressaq tal-community policing daħlet fis-seħħ

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjoni li l-Gvern illum introduċa l-community policing fil-lokalitajiet tagħna.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputati Beppe Fenech Adami u Robert Cutajar, intqal illi dan kollu seħħ wara proposti u insistenza illi ilha ssir mill-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar sena u nofs u wara li l-Gvern kien warrab din il-proposta li kienet saret mil-Partit Nazzjonalista stess fir-riforma tal-Kunsilli Lokali.

Jgħid x’jgħid il-Gvern, illum hawn komunitajiet sħaħ f’pajjiżna li jħossuhom mhedda mill-kriminalità mhux inrażżna f’diversi lokalitajiet.

L-Oppożizzjoni tinsisti li l-Gvern permezz tal-Pulizija għandu jipproteġi liċ-ċittadin onest mill-kriminali f’kull ħin, u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti għal aktar pulizija fl-għases u fit-toroq. 

Il-PN se jibqa’ jinsisti wkoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem aħjar għall-Pulizija, li ta’ kuljum jagħmlu xogħolhom sabiex jipproteġu liċ-ċittadini onesti.