Lokali

Ir-realtà hija ħafna agħar miċ-ċifri li ħarġu

Huwa inkwetanti u tad-dwejjaq li jkollok dan l-ammont ta’ nies li jgħixu fil-faqar f’pajjiżna. Kliem Claudia Taylor-East, CEO ta’ SOS Malta b’reazzoni għall-istatistika li ħarġet ilbieraħ – ċifri illi juru biċ-ċar li aktar minn 78,000 persuna jinsabu f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna.

Hi sostniet li mhux ġust li hawn ammont konsiderevoli ta’ tfal li l-familji tagħhom ma jistgħux jagħtuhom kwalità ta’ ħajja li tixirqilhom sabiex il-futur tagħhom ikun tajjeb. U dan sempliciment għaliex mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.

Claudia Taylor-East qalet li l-anzjani qed isibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.. għalhekk it-tqassim tal-ġid għandu jsir b’mod ġust.

Hi sostniet li hemm bżonn issir analiżi tal-minimum wage għax iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed nindunaw li din ma saritx biżżejjed biex wieħed ikollu l-għajxien ta’ ċittadin Ewropew kif jixraq.

Tkellimna wkoll ma’ Noel Xerri, iċ-Chairperson ta’ Anti-Porverty Forum fejn minn naha tiegħu sostna li r-realtà li qed ngħixu fiha llum turi li ċ-ċifri jistgħu jkunu ħafna ikbar minn dak li ħareġ fl-istatistika.

Noel Xerri stqarr li jeżistu koppji anzjani u single parents bit-tfal li l-faqar huwa ħafna imminenti għalihom. Dan għaliex għalkemm ikollhom dħul, xorta mhux ilaħħqu mal-piż tal-kera, u f’ċerti sitwazzjonijiet lanqas biss għandhom flus biex jixtru l-mediċini tagħhom.

Fl-2012, il-persuni f’riskju ta’ faqar kienu jammontaw għal kważi 62,000. Illum 7 snin wara…u meta l-Gvern ta’ Muscat jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu…dan in-numru tela’ għal kważi 79,000 persuna f’riskju ta’ faqar.

Tags