Internazzjonali

Ir-Russja: Mejtin u midruba fi splużjoni ġo bażi militari

Talanqas żewġ persuni – imfissra bħala ‘speċjalisti ċivili’ – tilfu ħajjithom fi splużjoni ġo faċilità navali li tintuża għall-provi, lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Ir-rapporti rreferew ukoll għal numru ta’ midruba ( militar u ċivili) fl-isplużjoni.

Il-faċilità, fir-reġjun ta’ Arkhangelsk (fl-Artiku tar-Russja)  ma kenitx identifikata.

Intant, l-isplużjoni seħħet waqt li kienu għaddejjin provi għall-magna ta’ rokit, bl-uffiċjali fl-inħawi jgħidu, wara, li l-isplużjoni ma telqitx il-materjal qerriedi u r-radjazzjoni fl-atmosfera. Stqarrija mill-Ministeru tad-Difiża Russu sostniet li l-livelli tar-radjazzjoni f’dik iz-zona baqgħu ‘normali’anki wara l-inċident.

Dritt wara l-isplużjoni bdiet l-evakwazzjoni tal-midruba mis-sit, bis-servizzi tal-ajru li jintużaw għall-emerġenzi jieħdu ħsieb ta’ airlift għall-istess midruba biex jingħataw it-trattament mill-aktar fis. Il-midruba kienu jinkludu uffiċjali mal-Ministeru tad-Difiża u r-rappreżentanti ta’ xi kumpaniji ‘li l-ġrieħi tagħhom ivarjaw fin-natura’.

Aktar qabel kien hemm rapporti dwar nirien ġo faċilità militari qrib il-belt ta’ Nyonoksa, fl-istess reġjun. F’dawn l-inħawi hemm range għall-provi tal-missili mill-qawwiet navali u li magħruf bħala sit fejn ikunu pruvati l-missili ballistiċi interkontinentali ( jew ICBMs).

Iċ-ċentru ta’ Nyonoksa hu riservat għall-provi ta’ kważi kull sistema tal-missili tan-Navy tar-Russja u li jinkludu l-ICBMs li jkunu sparati mill-baħar, flimkien ma’ missili cruise u missili għal kontra l-ajruplani.

Sadanittant, ir-residenti f’Nyonoksa rappurtaw ukoll ‘in-nirien fil-villaġġ u numru ta’ splużjonijiet qrib tagħhom’.

L-isplużjoni fil-faċilità navali hi t-tieni inċident, din il-ġimgħa, li kien jinvolvi lill-militar tar-Russja. Dan meta, nhar it-Tlieta, persuna tilfet ħajjitha, bi tmienja jisfaw midruba, wara li ċentru għall-munizzjon kien ħa nar, fl-inħawi ta’ Siberja.

Il-qilla ta’ dik l-isplużjoni kkaġunat il-ħsarat lil skola u kumpless tal-kindergarten fiz-zona, b’aktar minn 9,500 persuna jispiċċaw evakwati bħala prekawzjoni tas-sigurtà.

Sadanittant, għaddejja, bħalissa, investigazzjoni biex tinstab il-kawża tal-inċident.