Lokali

Se jżomm il-programm ta’ propaganda fuq is-Super One

Il-preżentatur tas-Super One Karl Stagno Navarra se jkun qed iżomm il-programm tiegħu minkejja l-pożizzjoni ġdida li ingħata fl-Air Malta. Fi kliem sempliċi, Stagno Navarra se jkun qed imexxi programm ta’ kulljum mimli attakki u propaganda fuq il-midja laburista. U dan fl-istess waqt li se jkun qed imexxi l-kampanja ta’ propaganda tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Dan kien konfermat minn Stagno Navarra innifsu, meta mistoqsi minn diversi ġurnali. Hu qed jgħid li xogħolu bħala Kap tal-Komunikazzjoni mal-Air Malta mhu se jkollu xejn x’jaqsam mal-programm ‘Pjazza’.

Il-gazzetta l-Mument kienet żvelat dan kollu fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, liema aħbar ħolqot ferment sħiħ fin-newsroom tas-Super One. Fejn hemm ċertu ġurnalisti li qed iħossuhom jingħataw il-ġenb, a-skapitu tal-preżentatur li hu deskritt mill-midja indipendenti bħala “il-maskot” tal-Partit Laburista.

Il-ħatra ta’ Stagno Navarra ħolqot ukoll ferment fost il-ħaddiema tal-istess AirMalta; kumpanija li dejjem żammet ‘il bogħod mill-politika. U issa qed iqumu dubji serji dwar kemm se jagħmel ġid il-fatt li l-linja nazzjonali tal-ajru se tkun assoċjata ma’ wiċċ ta’ wieħed mill-aktar preżentaturi kontroversjali f’pajjiżna, li ma’ ismu hemm assoċjati diversi kawżi l-Qorti.