Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Pawlu Mizzi – se jibqa’ ħaj għal dejjem

Għexieren inġabru fil-Katidral tal-Imdina biex jagħtu l-aħħar tislima lil Missier il-ktieb Malti, Pawlu Mizzi. Mizzi miet it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 89 sena, liema aħbar ħasdet lil diversi persuni li ħadmu miegħu matul ħajtu.

Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Ġużeppi Farrugia qal li Pawlu Mizzi dejjem indika d-dawl lil dawk li kienu jinsabu fi triq mudlama.

Hu saħaq li Mizzi se jkun qed jgħix għal dejjem fix-xogħol utli għal pajjiżna li wettaq matul ħajtu, b’mod speċjali fix-xogħol ta’ fundatur għall-Klabb Kotba Maltin u Midsea Books.

Mizzi kien deskrit b’mod speċjali bħala nisrani li wera l-valuri umani lejn dawk li ħabbewh iżda wkoll lil dawk li setgħu fixkluh matul ħajtu.

Monsinjur Ġużeppi Farrugia saħaq li Pawlu Mizzi dejjem ħaddan il-valuri umani li trabba fihom.P

Fuq kollox Pawlu Mizzi se jibqa’ mfakkar b’mod speċjali għal fatt kif bis-saħħa tal-kitba tiegħu, hu ta l-ilsien Malti xejra u nifs ġdid billi “neħħa l-blata kulturali li kienet tifni lil pajjiżna.”

Mizzi ma ħalla lil ħadd u xejn milli jwaqqfu mill-ħolm u viżjonijiet li kellu u ħadem bla waqfien biex fl-aħħar mill-aħħar wettaqhom bl-aħjar mod.Preżenti għall-funeral, li sar fil-Katidral tal-Imdina, kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli, il-Viċi Kap tal-PN, David Agius, kif ukoll diversi deputati oħra tal-Partit.

Ritratti: Matthew Tabone