Futbol Sport

Valletta b’tama għal riżultat pożittiv f’konfront diffiċli kontra Astana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta jinsabu fil-Każakistan biex jippruvaw jiksbu riżultat li tal-anqas iħallihom b’ċans li jikkwalifikaw għall-play-off tal-UEFA Europa League. Huma kellhom vjaġġ twil hekk kif minn Malta marru Istanbul u wara stennija hemm waslu l-Każakistan kmieni lbieraħ filgħodu. Il-Beltin se jkunu qed jilagħbu f’din il-fażi wara li għaddew mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League kontra Dudelange u kienu eliminati fit-tieni rawnd tal-istess kompetizzjoni kontra Ferencvaros.

Għal din il-logħba, il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla se jkun mingħajr erba’ plejers. Nicholas Pulis jirritorna minn sospensjoni u Douglas Packer mistenni jkun fil-formazzjoni inizjali wara li tilef il-logħba kontra Ferencvaros minħabba li kien imweġġa’. Neqsin mill-iskwadra hemm id-difensur Jonathan Caruana, il-midfielder Santiago Malano u l-attakkant Bojan Kaljevic li kollha huma mweġġgħin, filwaqt li d-difensur Steve Borg se jiskonta t-tieni logħba sospensjoni minn tlieta.

L-avversarju tagħhom huma Astana, tim ta’ kwalità li minkejja storja qasira tal-klabb, fl-aħħar snin stabbilixxa ruħu fl-Ewropa. Fl-aħħar ħames staġuni f’kompetizzjonijiet Ewropej, Astana waslu darba sal-play-offs, darbtejn sal-gruppi u darba mal-aħħar 32 tal-Europa League u fl-istaġun 2015/16 kienu waslu sal-gruppi tal-UEFA Champions League.

Il-kundizzjoni fiżika ta’ Astana żgur li hi superjuri minn ta’ Valletta hekk kif huma bħalissa jinsabu f’nofs il-kampjonat tagħhom. Filfatt il-Ħadd li ġej jilagħbu logħba tal-kampjonat kontra FC Aktobe. Astana rebħu l-aħħar ħames kampjonat tal-Każakistan u fil-preżent jinsabu fit-tieni post wara 21 logħba b’41 punt, punt anqas minn Tobol.