Ftit tal-jiem biss wara li l-Uffiċju tal-Istatistika ħareġ rapport ġdid dwar il-faqar f’pajjiżna, Net News ħa l-kummenti ta’ Fr Hilary Tagliaferro li jmexxi l-Millenium Chapel f’Paceville, li qalilna li l-istatstika hija importanti u ta’ min wieħed jagħti kasha, iżda, r-realta imissuha ta’ kuljum dawk li jkunu f’kuntatt kontinwu ma’ persuni li ma jistgħux ilaħqu mal-ħajja.
Fr Hilary spjega kif hawn ħafna li fil-preżent qed isibuha diffiċli jlaħħqu ma’ spejjeż ta’ mediċini għoljin, hekk kif il-mediċini tal-Gvern mhux biżżejjed u jispiċċaw ikollhom jixtru mediċini oħra. Hu qal li fejn m’hemmx dħul deċenti dan joħloq diffikultajiet kbar.
Id-Direttur tal-Millenium Chapel tkellem ukoll dwar il-problemi ta’ ħafna li ma jlaħqux mal-kontijiet. Persuni li jsibuha diffiċli jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dawn huma kollha affarijiet li skont Fr Hilary, qed jaghmluha diffiċli għal ħafna nies biex jgħixu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Fost l-oħrajn hu semma l-kera li qed tkun sfida kbira għal ħafna, l-aktar fejn kirjiet triplaw fil-prezz, bit-theddida li min ma jħallasx jispiċċa mitfugħ ‘il barra. Hu tenna li din il-problema tal-kiri hija problema kbira.
Ma naqasx ukoll li jitkellem dwar in-numru kbir ta’ immigranti imma wkoll studenti barranin, li jiġu f’pajjiżna bil-ħolma li se jsibu pajjiż li jilqagħhom u li jtihom futur aħjar u li jispiċċaw diżillużi, jgħixu f’kundizzjonijiet miżeri, jew agħar minn hekk bla saqaf fuq rashom.
Staqsejna lil Fr Hilary kemm hi reali din is-sitwazzjoni, hekk kif uħud jesprimu dubji dwar din ir-realtà. Għal din il-mistoqsija, Fr Hilary stieden lil min għanduj xi dubji biex imur ħdejn il-Millenium Chapel, li ta’ kuljum isservi ta’ refuġju hekk kif uħud saħansitra jispiċċaw jorqdu fuq il-bankijiet li hemm barra l-kappella.
Staqsejna lil Fr Hilary dwar l-effetti tal-faqar fuq il-bniedem, fejn qalilna li l-effetti tal-faqar ma jħosshomx biss il-bniedem li jkun qed iġarrbu iżda s-soċjeta kollha. Hu qal li dan mhuwiex unur għalina li jkollna nies qed ibatu hekk.
Il-Millenium Chapel toffri servizzi ta’ sapport f’diversi oqsma. Fost l-oħrajn, minbarra sostenn lil dawk li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja, counsellors speċjalizzati jgħinu wkoll b’servizzi psikoloġiċi differenti. Izda bla dubju, ħafna għadhom iduru lejn din il-kappella f’nofs Paceville meta ma jkollhomx għaxja ta’ lejla jew saqaf fuq rashom.
Fr Hilary qal li daħlet fil-mentalità Maltija li persuni jintbagħtu l-Millenium Chapel meta jkunu fil-bżonn. Fatt li hu qal li ma jdejqu xej u li humam għahlehkk qegħdin, sakemm il-providenza tibqa’ sservi. Iżda hu qal li forsi fid-deher jidher li Malta kollox ward u żahar, però, temm jgħid id-Direttur tal-Millenium Chapel, fadal ħafna nies li għadhom qed ibatu biex jgħix ħajja dinjituża u deċenti.
Dawn il-kummenti huma eku ta’ dak li qalet is-CEO ta’ SOS Malta, Claudia Taylor East, li ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ dieqa.
//= $special ?>