Futbol Sport

Gudja United jippreżentaw l-iskwadra b’mira li jilagħbu u jippruvaw jirbħu kontra kulħadd

(Ritratt: Martin Agius)

Il-mira ta’ Gudja United f’dan l-istaġun hi li jinżlu għal kull logħba u jippruvaw jirbħu lil kulħadd. Dan qalu l-President tal-klabb Duncan Borg Myatt, waqt it-tnedija tal-iskwadra li se tikkompeti fil-Kampjonat Premier għall-ewwel darba f’dak li hu l-75 anniversarju mit-twaqqif tal-klabb.

Il-President ta’ Gudja qal li wara promozzjoni doppja, sar xogħol intensiv biex huma juru li mhux qegħdin fl-ogħla diviżjoni b’kumbinazzjoni. Borg Myatt kompla li għalkemm bħala lokalità l-Gudja hi żgħira, iżda saħaq li “fil-grawnd ma tilgħabx il-bandiera jew il-popolazzjoni” u għalhekk jinsab kunfidenti li jkollhom staġun pożittiv. Hu anki rringrazzja lil Talbot and Bons Boutique Hotel li bdiet kollaborazzjoni mal-klabb.

Il-kowċ Josef Mansueto kien konfermat fit-tmexxija tat-tim, mgħejjun mill-assistent Thane Micallef, il-Physical Trainer Matthew Psaila u l-kowċ tal-gowlkipers Michael Church.

Josef Mansueto qal li l-istaġun li għadda kien ta’ sfida għalih biex jadatta għall-Ewwel Diviżjoni minħabba li kienet l-ewwel esperjenza għalih. “Jien konxju mix-xogħol li għandi u l-objettiv tagħna hu li kull pass li nagħmlu jkun aħjar milli għamilna.” Mansueto qal li għalkemm il-klabb ta’ Gudja United hu żgħir però għandu qalb kbira u dan ikkonfermah bis-sapport li rċieva anki meta l-affarijiet ma kinux sejrin daqstant tajjeb l-istaġun li għadda.

(Ritratt: Martin Agius)

L-iskwadra ta’ Gudja United

Gudja għandhom skwadra ta’ 20 plejer li mhux eskluża li tikber b’xi element jew tnejn. Mill-istaġun li għadda baqgħu l-captain Jonathan Bondin, il-gowlkipers Jonathan Debono u Matthew Xerxen, Miguel Attard, Jurgen Farrugia u Llywelyn Cremona.

Magħhom żdiedu Zack Cassar, Aidan Friggieri u l-gowlkiper Timmy Aquilina li huma parti mill-iskwadra ta’ taħt il-21 sena u żdiedu wkoll Justin Grioli, James Brincat, Hubert Vella u Dylan Grima. Ħafna mill-akkwisti ta’ plejers Maltin huma b’self.

Is-seba’ plejers barranin huma Rundell Winchester, Juan Bolanos, Alan Miranda, Alexandr Santana, Anderson Meyer, Anderson de Barros u Gabriel Mensah, bl-aħħar tnejn diġà għandhom esperjenza fil-Kampjonat Premier. Gudja jagħmlu d-debutt fil-kampjonat fl-24 ta’ Awwissu kontra Hibernians.