Il-Grand Prix tal-Messiku se tibqa’ wkoll fil-kalendarju għall-istaġun li ġej, hekk kif il-Formula 1 qed toqrob għal rekord ta’ 22 Grand Prix għas-sena d-dieħla. Din it-tellieqa li hi popolari, dehret taħt theddida wara li l-istat qata’ s-sapport finanzjarju, iżda fondi ġodda minn investiment privat, assigurat li din it-tellieqa se tibqa’ għal tal-anqas tliet staġuni oħra.
Wara nuqqas ta’ 23 sena, iċ-ċirkwit ta’ Autodromo Hermanos Rodriguez irritorna fil-Formula 1 fl-2015, b’din it-tellieqa tibqa’ rinomata maż-żewġ konfermi tal-aħħar kampjonati mirbuħa minn Lewis Hamilton. Dan it-tiġdid tal-kuntratt isegwi dak taċ-ċirkwit ta’ Silverstone.
Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li minn meta ċ-ċirkwit irritorna fil-kalendarju fl-2015, dan l-avveniment dejjem wera li hu popolari kemm mal-pubbliku u mal-partitarji imma wkoll madwar id-dinja. Carey qal li matul dawn l-aħħar erba’ snin aktar minn 1.3 miljun attendew għal din il-Grand Prix. Din is-sena l-Grand Prix tal-Messiku se ssir fis-27 ta’ Ottubru, ġimgħa wara l-Grand Prix tal-Istati Uniti.
B’dan it-tiġdid, mill-ħames ċirkwiti li kien se jispiċċalhom il-kuntratt din is-sena, jonqos biss dak ta’ Hockenheim fil-Ġermanja. Minbarra t-tiġdid tal-Messiku u Silverstone, jeżisti qbil fil-prinċipju għal kuntratt ġdid f’Monza filwaqt li f’Katalunja hu mistenni jintlaħaq ftehim.
Dan minbarra li s-sena d-dieħla se jkun iż-żieda tal-Grand Prix tal-Vjetnam li se ssir fit-toroq ta’ Hanoi u r-ritorn taċ-ċirkwit ta’ Zandvoort fl-Olanda. L-istaġun 2020 se jibda fil-15 ta’ Marzu fl-Awstralja, ċirkwit ieħor li riċentament kien hemm tiġdid fil-kuntratt sal-2025.
//= $special ?>