Fl-aħħar ġranet il-Ministru Konrad Mizzi għażel li jagħmel konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja tal-Għadira biex bi kliemu stess jikkonferma l-falliment tal-Gvern tiegħu. Konferenza tal-aħbarijiet li kellha tissejjaħ għax il-Gvern naqas milli jżomm fil-livell xieraq u aċċettabbli l-bajja tal-Għadira, sabiex filwaqt li jitħares l-interess tal-ġid komuni, titgawda kif inhu sewwa u xieraq minn dawk kollha li jagħmlu użu minnha.
Il-kunsillieri tal-PN fil-Mellieħa ġew infurmati biss ftit sigħat qabel ma’ ssejħet il-konferenza tal-aħbarijiet, u jrid jingħad ukoll li filwaqt li għaliha ġew mistiedna d-Deputati tal-Gvern fuq id-distrett tal-Mellieħa, l-istess stedina ma’ saritx lid-Deputati tal-Oppożizzjoni.
Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar ‘l hekk imsejjaħ ftehim mal-operaturi sabiex ikun hemm aktar spazju għal dawk li jagħżlu li ma’ jagħmlux użu mill-umbrelel u d-deckchairs provduti mill-operaturi fuq il-bajja. Dan l-istess ftehim kien diġà tħabbar miċ-Ċermen tal-MTA Gavin Gulia sitt snin ilu (fl-10 ta’ Awwissu tal-2013). Deher ċar li dak li kien wiegħed il-Gvern Laburista fl-2013 falla.
Il-kunsillieri tal-PN filwaqt li jaqblu li għandhom jiġu mħarsa l-interessi u d-drittijiet tal-pubbliku li jagħmel użu mill-bajja tal-Għadira, deherilhom li ma kellhomx ikunu preżenti f’konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru meta l-istess Gvern li hu jagħmel parti minnu se jkun qed jagħti parti mill-kosta tal-Għadira lill-privat. L-inkonsistenza u l-ingann tal-Ministru Konrad Mizzi u l-Gvern komplew jilħqu livelli bla preċedent.
Il-Ministru Konrad Mizzi naqas li jsemmi, li minkejja l-impressjoni negattiva li pprova jagħti dwar il-bajja tal-Għadira, fl-2011 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista u Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza tal-PN għall-ewwel darba kienet laħqet l-ogħla livelli ta’ kwalità tant li ngħatat l-istatus ta’ Blue Flag. Illum din l-istess bajja qed tiffaċċja riskji serji li tista’ titlef dan l-istatus għax il-Gvern naqas li jinforza regolamenti biex il-bajja tibqa’ żżomm l-livelli mitluba.
Il-kunsillieri tal-PN fil-Mellieħa ma’ jridux ikunu kompliċi ma’ Ministru li:
- Qed jonqos li jkun trasparenti f’dak kollu li qed jagħmel relatat mal-proġett ta’ ‘l hekk msejjaħ estensjoni tal-bajja tal-Għadira. Dan meta għal diversi drabi ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet fil-Parlament imressqa mid-Deputat Robert Cutajar fuq l-istess proġett. Konrad Mizzi sal-lum għadu jżomm mistur rapporti tekniċi u studji dwar l-impatt ambjentali.
- Baqa’ sieket jew saħansitra approva estensjonijiet jew bini ta’ lukandi ġodda fil-Mellieħa, liema applikazzjonijiet imorru kontra l-policies taż-żoni fejn jinsabu. Dan ifisser theddida serja għall-karatteristiċi u qerda tal-ambjent uniku li kienet tgawdi sa minn dejjem il-Mellieħa.
- Minkejja l-wegħdiet li saru sa mill-2013 Gvern Laburista baqa’ m’għamel l-ebda investiment fuq il-promenade tal-Għadira
Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jieqaf jinsulenta l-intelliġenza tan-nies u jara li jkun impenjat b’serjetà biex mal-Gvern tiegħu jassigura ħarsien xieraq lejn l-ambjent u l-patrimonju li jiddistingwi lilna l-Maltin minn pajjiżi oħra.
//= $special ?>