Lokali

L-Air Malta tikkonferma li Karl Stagno Navarra hu impjegat tagħha u b’pakkett ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-sena

Dan wara li l-Ħadd il-Mument żvela kif Karl Stagno Navarra kien impjegat mal-Air Malta b'pakkett ta' għexieren ta' eluf ta' ewro kull sena

Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta lbieraħ ikkonfermat l-aħbar żvelata minn il-mument il-Ħadd li għadda, ċioè li l-preżentatur ta’ ‘One’ – Karl Stagno Navarra li fil-passat kien impjegat mal-media Nazzjonalista u kien jogħxa jattakka lill-Partit Laburista u lill-partitarji Laburisti – kien impjegat bħala l-Kap tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Corporate Social Responsibility tal-kumpanija.

Dan hu impjieg li jġorr miegħu dħul annwali ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro u skont sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon bl-għażla sfaċċata ta’ Karl Stagno Navarra nqabżu kemm ħaddiema diġà impjegati fil-marketing mal-Air Malta kif ukoll terzi oħrajn li setgħu applikaw minn barra.

Bla dubju ta’ xejn li l-għażla ta’ Karl Stagno Navarra saret bl-intervent dirett ta’ Kastilja fit-tentattiv li tgħinu joħroġ mill-problemi finanzjarji kbar ta’ djun u frodi li hu għandu fir-rigward ta’ numru ta’ persuni li gidimhom mijiet jew eluf ta’ ewro fis-snin li għaddew.

Karl Stagno Navarra, illum preżentatur mal-istazzjon Laburista ‘One’, se jkun qed imexxi t-Taqsima tal-Media fi ħdan l-Air Malta. Grazzi għal dan l-impjieg li ngħata minn Kastilja, Karl Stagno Navarra issa qed jgħid li se jirriżenzja minn rwoli ta’ konsulenza mal-Gvern fejn ukoll kien idaħħal l-eluf tal-ewro. Fost l-oħrajn hu kien jagħmel xogħol ta’ konsulenza mal-Malta Enterprise, ma’ Transport Malta u anki direttament mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn kien jitqabbad jagħmel xogħol ta’ propaganda.

Kelliem għall-Air Malta dwar l-impjieg ta’ Karl Stagno Navarra ikkonferma li: “Mr. Karl Stagno Navarra has been selected for the post of Head of Public Relations and Corporate Social Responsibility after a call was issued and a diligent selection process followed.”

Ħaddiema fl-Air Malta li lbieraħ għal darba oħra tkellmu mal-ġurnal In-Nazzjon staqsew b’xettiċiżmu kbir kemm Karl Stagno Navarra se jkun jista’ jlaħħaq max-xogħol il-ġdid tiegħu fl-Air Malta u mal-programm ta’ kuljum fuq l-istazzjon Laburista! “Imma dwar dan għad irridu naraw fil-ġimgħat li ġejjin.”

L-impjieg ta’ Karl Stagno Navarra mal-Air Malta jmur lura għal nofs ix-xahar ta’ Lulju ’19 meta isem Karl Stagno Navarra tniżżel fuq il-kotba tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta bħala impjegat ġdid fil-kamp tal-marketing, preċiżament bħala l-Kap li jmexxi d-Dipartiment tal-Media.

Il-pakkett mogħti lil Karl Stagno Navarra hu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro u hu direttament maħsub biex jgħinu joħroġ mill-problemi kbar li għandu ta’ djun minħabba li hu sigriet magħruf li Karl Stagno Navarra għandu jiġru warajh diversi persuni li għandhom jieħdu flejjes konsiderevoli mingħandu.

Sa mill-aħħar ta’ Frar li għadda l-qasba kienet ilha ċċaqċaq li Karl Stagno Navarra kien se jingħata impjieg favoluż fl-Air Malta, iżda f’Marzu li għadda l-Air Malta kienet ċaħdet li kienet se timpjega lill-preżentatur tal-istazzjon Laburista u kienet ippruvat tbella’ r-ross bil-labra li kien qed isir proċess ta’ għażla.

Dakinhar kien żvelat ukoll li l-pakkett li Karl Stagno Navarra kien se jingħata kien ta’ xejn inqas minn €90,000… iżda din iċ-ċifra kienet miċħuda kemm mill-Air Malta u anki minn Karl Stagno Navarra.

Madankollu sorsi fl-Air Malta li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li l-pakkett li ngħata Karl Stagno Navarra hu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro u hu preċiżament maħsub biex jgħinu joħroġ mill-problemi kbar ta’ djun li għandu fejn bosta persuni qed jiġru warajh wara li b’xi mod jew ieħor gidimhom mijiet jew eluf ta’ ewro u sa llum għadhom ma ħadux lura dak li hu tagħhom.

Il-kariga li ngħatat lil Karl Stagno Navarra hi dik ta’ Kap tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Corporate Social Responsibility… fejn sfaċċatament ħaddiema tal-kumpanija, minkejja s-snin twal ta’ esperjenza li għandhom, ġew imwarrba għaliex sa mill-bidu nett l-għażla kienet iffukata fuq Karl Stagno Navarra.

Tajjeb li minn hawnhekk infakkru kif Karl Stagno Navarra kien sejjaħ l-antiċipazzjoni li se jkun impjegat mill-Air Malta bħala “fake news” u nnega kull konnessjoni f’dan is-sens. Madankollu sorsi li b’kunfidenzjalità tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li “iżda kulmin jaf lill-preżentatur ta’ ‘One’ jaf tajjeb kif kliemu għandu jitnaqqas bi tliet kwarti, u dejjem għandu jittieħed with a pinch of salt u qatt bis-serjetà… min qatt ħa kliem Karl Stagno Navarra bis-serjetà spiċċa biex ingidem mijiet jew eluf ta’ ewro!”

Karl Stagno Navarra, eks impjegat tal-Partit Nazzjonalista, issa ilu għal dawn l-aħħar snin jimmilita fil-Partit Laburista fejn jinqdew bih għall-istazzjon ‘One’ iżda ma hu fdat assolutament xejn tant li anki xewqtu li jkun fost il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda ma kenitx kalkulata.

Karl Stagno Navarra ra fl-elezzjoni ta’ Mejju li għadda opportunità ideali għalih kemm biex jitbiegħek minn Malta u hekk ikollu ferm inqas nies jiġru warajh għal flushom, kif ukoll għaliex mill-Ewropa seta’ jaqla’ kemmxa flus tajba biex forsi jibda jħallas djunu ma’ bosta terzi persuni.

Madankollu taħt il-Gvern Laburista kemm fil-leġislazzjoni li għaddiet u anki f’din il-leġislazzjoni hu mar u sejjer tajjeb għaliex dejjem ingħata postijiet vantaġġjużi minfejn seta’ jimpala l-flus. Ma hux magħruf jekk ta’ dan hux marbut li jippreżenta fuq il-‘One’mingħajr ħlas u min qed jagħmel tajjeb għall-ħlasijiet fil-‘One’.

Li hu fiċ-ċert hu li fl-aħħar snin Karl Stagno Navarra kien jokkupa diversi karigi, fosthom fil-Malta Enterprise u fi Transport Malta fejn ukoll kien jitħallas eluf ta’ ewro għal taparsi rwoli ta’ konsulent jew ko-ordinatur fil-media.

Filwaqt li Kastilja ma tafda assolutament xejn lil dan il-frodist, tipprova tisfrutta l-kwalitajiet pożittivi tiegħu ta’ preżentatur tajjeb għalkemm f’bosta okkażjonijiet fuq il-‘One’ irrenda ruħu kummidjant u buffu.

Iżda hu spiss ikun aġevolat minn Kastilja tant li anki f’Novembru li għadda ngħata direct order ta’ €21,600 mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jagħmel suppost xogħol relatat ma’ kommunikazzjoni u riċerka!

Ta’ min ifakkar li l-ħatra ta’ Karl Stagno Navarra bħala Consultant Media Coordinator ma’ Transport Malta kienet waħda reċenti ħafna u ġġorr magħha ħlas ta’ €1,500 fix-xahar li fl-aħħar tas-sena tammonta għal eluf ta’ ewro. Hu stat ta’ fatt li hemm numru ta’ persuni li għadhom sal-ġurnata tal-lum jiġru għal flushom meħuda b’ingann minn Karl Stagno Navarra.

Dan il-ġurnal In-Nazzjon kemm-il darba ppubblika rapporti fir-rigward ta’ Karl Stagno Navarra versu ħruġ ta’ ċekkijiet foloz mill-istess Karl Stagno Navarra fejn imbagħad min jirċievi tali ċekkijiet jinduna li dawn ma jissarrfux hekk kif imorru f’xi bank u tali ċekkijiet ma jissarrfux għaliex flus ma jkunx hemm!

Ta’ min ifakkar kif fl-aħħar xhur biss Karl Stagno Navarra diġà kien imfittex minn numru ta’ persuni privati għal flushom wara li dan ingannahom.

Fil-fatt l-istejjer fil-Qorti dwar sekwestri lil Karl Stagno Navarra, preżentatur ta’ programm fuq l-istazzjon Laburista ‘One’,  baqgħu jakkumulaw… fosthom b’sekwestri friski ta’ aktar minn €5,800 mill-eks mara tiegħu u aktar minn €4,000 minn Vodafone Malta Limited.

Dawn l-istejjer uffiċjali fil-Qorti jiżdiedu ma’ bosta stejjer oħrajn minn terzi persuni li għadhom jiġru wara flushom mingħand l-istess Karl Stagno Navarra li gidimhom flejjes taħt xi forma jew oħra.

F’din is-sensiela ta’ terzi persuni, kumpaniji privati u entitajiet pubbliċi li qed jiġru wara Karl Stagno Navarra għal flushom, l-aktar reċenti huma digriet li ngħataw mill-Qorti ftit tax-xhur ilu fejn Karl Stagno Navarra instab li għandu jagħti xejn eluf ta’ ewro lil numru ta’ persuni jew entitajiet privati.

Fost il-lista, sa ftit ilu biss, ta’ entitajiet li kienu qed jiġru għal flushom mingħand Karl Stagno Navarra kien hemm ukoll il-kumpanija tal-Gwardjani LESA għal ċitazzjonijiet fuq żewġ karozzi reġistrati f’isem Karl Stagno Navarra. B’kollox l-ammonti dovuti huma ta’ mijiet ta’ ewro.

Minħabba f’hekk waħda mill-karozzi reġistrati fuq l-istess Karl Stagno Navarra għamlet ġimgħat sħaħ ‘abbandunata’ taħt siġra fl-inħawi tal-Mistra Village biċ-ċitazzjonijiet jakkumulaw mal-windscreen. Saħansitra anki l-Pulizija kellhom rapporti dwar din il-karozza partikulari li dwarha diġà kien pubblikat rapport f’dan il-ġurnal ukoll ftit tal-ġimgħat ilu.

Hu sigriet magħruf li Karl Stagno Navarra kellu diversi mandati ta’ sekwestru b’individwi u kumpanniji jiġru warajh biex jitħallsu dak li hu tagħhom. Fost dawn hemm kumpanniji stabbiliti iżda wkoll persuni li silfuh flejjes fuq l-idejn.

Il-lista ta’ dawk li għandhom jieħdu mingħand Karl Stagno Navarra u li daħħluh il-Qorti biex b’sekwestru jew b’sentenza tal-Qorti jiġbru flushom hi twila u fiha hemm diversi każijiet mill-eks mara tiegħu għal nuqqas ta’ ħlas ta’ kontijiet li ħalla jinġemgħu. Fost l-iżjed migduma hemm kumpannija li tikri l-proprjetà fejn wara li żgumbratu minn appartament bdiet passi legali biex tiġbor f’għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’kirjiet mhux imħallsa. Hemm ukoll ħwienet tal-ħwejjeġ li jsostnu li għandhom jieħdu flejjes kbar.