Futbol Sport

Liverpool jiftħu l-Premier League b’rebħa faċli f’Anfield

Virgil van Dijk jiskorja t-tielet gowl (Ritratt: Premier League)

Liverpool bdew l-isfida tagħhom għar-rebħ tal-Premier League b’rebħa konvinċenti ta’ 4-1 kontra Norwich f’Anfield. L-istaġun li għadda, Liverpool kienu kisbu 97 punt iżda xorta spiċċaw ma rebħux il-kampjonat, u din il-wirja tikkonferma l-kredenzjali tagħhom biex jerġgħu jkunu minn ta’ quddiem.

Huma ddominaw il-logħba u saħansitra aċċertaw mir-rebħa fl-ewwel taqsima b’erba’ gowls fl-ewwel taqsima. L-unika nota negattiva kienet dik tal-gowlkiper Alisson Becker li weġġa’ waħdu fl-ewwel taqsima u kellu jinbidel minn Adrian li spiċċa biex għamel id-debutt mhux mistenni.

Liverpool kellhom bżonn biss seba’ minuti biex fetħu l-iskor bi kross mix-xellug ta’ Divock Origi jkun imxellef minn Grant Hanley u baqa’ dieħel fix-xibka. Huma rduppjaw fid-19-il minuta bil-ballun jispiċċa b’xi mod għand Roberto Firmino li kompla lejn Mohamed Salah li minn qagħda ideali favur siequ għeleb lil Tim Krul b’xutt fil-baxx għar-rokna.

L-iskor sar 3-0 fit-28 minuta b’korner mix-xellug ta’ Salah isib lid-difensur Virgil van Dijk li lanqas kellu bżonn jogħla biex għeleb lil Krul b’daqqa ta’ ras. It-tim ta’ Klopp skorja r-raba’ gowl fit-42 minuta bi kross mil-lemin ta’ Trent Alexander-Arnold isib lil Divock Origi, bil-Belġjan jidħol bejn żewġ difensuri biex skorja b’daqqa ta’ ras.

Norwich skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fl-64 minuta b’Emiliano Buendía jgħaddi passaġġ fl-ispazju lejn Teemu Pukki li għeleb lil Adrian b’xutt fil-baxx.