Lokali

Niġerjan iweġġa’ b’xokk elettriku fil-Belt

It-tieni każ f'temp ta' ftit jiem

Raġel min-Niġerja spiċċa f’qagħda kritika wara li aktar kmieni illum sofra xokk elettirku waqt li kien qed jagħmel xogħol f’residenza fil-Belt.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:10am meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Merkanti.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fil-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vittma għandu 24 sena. Hu sofra xokk elettriku waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fl-imsemmija triq.

Fil-post ġiet imsejħa ambulanza fejn ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei għal aktar assistenza medika, u aktar tard ġie konfermat li n-Niġerjan weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Dan hu t-tieni każ ta’ inċident ta’ din ix-xorta wara li ftit tal-jiem ilu barrani ieħor, żagħżugħ mill-Maċedonja, miet kaġun ta’ xokk elettriku.