Ambjent Lokali

Proġett b’detriment kbir għall-komunità Sengleana

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalist, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Isla, Malcolm Gatt qal li d-dormitorju għall-ftit studenti li se takkomoda ‘l hekk imsejħa Università Amerikana m’għandhix issir għad-detrimenti tar-residenti Sengleani, li se jaraw mhux biss li se jkerraħ il-wirt storiku tal-Isla iżda se joħloq diffikultajiet kbar bil-parkeġġ.

Dan meta se jittieħdu żewġ siti għall-parkeġġ għall-ftit għexieren ta’ studenti li din l-università se takkomoda, l-ammont li huwa ferm ‘il bogħod mill-eluf li ġew imwegħda.

L-istqarrija kompliet tgħid li dan id-dormitorju m’għandux jinbena fil-Baċir u ż-żewġ postijiet għall-parkeġġ m’għandhomx jittieħdu għad-detriment tas-Sengleani meta dawn jintużaw bħala postijiet għall-parkeġġ għall-komunità kummerċjali matul is-sajf u bħala post fejn jinżammu d-dgħajjes matul ix-xitwa.  

Għalhekk ma naqblux li d-dormitorju jinbena fiż-żona fejn qed jiġi suġġerit u li jittieħdu l-postijiet tal-parkeġġi għaliex dan il-proġett mhux se jsir għall-vantaġġ tar-residenti tal-Isla, jew biex tissaħħaħ il-komunità Sengleana iżda se joħloq impatt ferm negattiv li minnu se jispiċċaw ibatu r-residenti u l-lokalità nnifisha, temmet tgħid l-istqarrija.