Lokali

Sgass f’ħanut tal-kompjuters f’Santa Venera

Matul il-lejl li għadda seħħ sgass fejn insterqu kompjuters minn ħanut li jinsab fi Triq il-Ferrovija, Santa Venera.

Jidher li ntebħu b’dan il-ħaddiema li marru biex jiftħu l-ħanut dalgħodu u li sabu l-bieb tal-ħanut sgassat.

Huma għamlu rapport lill-Pulizija li waslu fuq il-post ftit wara. Filfatt sa ftit tal-ħin ilu kien għad hemm membri tal-Pulizija tal-Forensika li kienu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.

Dwar il-każ issejħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.