Spettur tal-Pulizija xehed fil-Qorti bil-biebien magħluqa hekk kif il-Maġistrat Doreen Clarke kompliet tisma’ l-provi kontra l-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi u t-tfajla tiegħu, li isimha ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti.
Jordan Azzopardi ta’ 29 sena mill-Iklin qiegħed ikun mixli b’madwar 15 il-akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis, u li ċċirkola flus foloz. It-tfajla tiegħu hija mixlija b’kompliċità ma’ dawn il-każi.
Bħas-soltu rrenjat is-sigurtà kbira fil-Qorti bħal ma jiġri kull meta jkun hemm il-każ ta’ Jordan Azzopardi u hu flimkien mat-tfajla tiegħu, omm ta’ ħames t-itfal ikunu fl-iżbarra jisimgħu l-każ kontrihom.
Numru ta’ xhieda kienu mgħajjta fil-Qorti biex jixhdu bl-ewwel wieħed ikun l-Ispettur Frank Anthony Tabone mill-iskwadra ta’ kontra d-droga fejn hu qal lill-Qorti kif mill-investigazzjoni li saret wasslet biex isiru diversi rejds fuq postijiet fejn kienu qegħdin jiġu traffikati d-droga b’mod sofistikat.
Huwa qal li l-iskwadra fejn jaħdem hu kienet qed tirċievi ħafna nformazzjoni fuq ċerta Jordan Azzopardi u l-aktar dan kien seħħ f’Ottubru. Il-Pulizija bdiet tirċievi nformazzjoni li hu kien qed jittraffika d-droga minn ‘garage’; f’Birkirkara, qal l-Ispettur.
Huwa spjega li osservazzjoni sigrieta kienet qed issir fuq numru ta’ persuni magħrufin mal-Pulizija li huma dipendenti fuq id-droga u li kienu qed jiffrekwentaw il-‘garage’ imsemmi f’Birkirkara u għalhekk l-informazzjoni u s-suspetti issa bdew isiru realtajiet.
Sussegwentement il-Pulizija għamlet rejd fil-‘garage’, li kien kollu metall u mbarrat eżatt minn wara l-bieb ta’ barra. Fuq ġewwa kien hemm sufani u bank. Flus kontanti u oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga nstabu wkoll fil-post u li dawn kienu maqbuda għall-evidenza.
Fuq ġewwa kien hemm ukoll installati numri ta’ ‘CCTV cameras’ u l-filmati ttieħdu wkoll mill-Pulizija bħala prova, qal ix-xhud. Fuq in-naħa ta’ wara tal-post kien magħluq, iżda hemm instab ukoll aktar oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kaxxa għal flus u ktejjeb.
Din il-parti tal-‘garage’ ma kinitx aċċessibbli għal kulħadd, iżda biss għall-persuna li tbiegħ id-droga minn hemm kompla jgħid Tabone. 16-il persuna kienu ġew arrestati mill-post fosthom kien hemm Axel Vella li kien responsabbli għal ‘garage’.
Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-‘garage’ kien ta’ ċertu Charles Chircop, li kien qallhom wara li dan kien krih lil Jordan Azzopardi. Huwa anke wera lill-Pulizija kopja tal-kuntratt tal-kiri.
Il-‘garage’ kellu biebin doppji, qal ix-xhud. Fuq in-naħa ta’ barra l-biebin kienu normali, iżda fuq ġewaa kien hemm sett ieħor ta’ biebin, imbarrati u b’diversi brikks ta’ qies kbir biex jassiguraw li l-għeluq ikun aktar sigur
Pazjent minn Monte Karmeli li kien mgħajjat biex jixhed għażel li ma jixhidx minħabba li x-xhieda tiegħu setgħet tinkrimninah.
Xehdu wkoll rappreżentanti mill-kumpaniji tat-telefon ċellulari Go u Vodafone fejn dawn esibew rekords ta’ telefonati u messaġġi li kienu mitluba mill-Qorti.
Wara xehed l-Ispettur Nicholas Vella, u dan fuq każ separat iżda għandu konnessjoni ma’ dan il-każ. Kien hawn li l-Qorti ordnat li l-awla tiġi żgumbrata biex il-pubbliku u l-membri tal-medja joħorġu bl-Ispettur jagħmel xi 20 minuta jagħti x-xhieda tiegħu.
Wara, l-Avukat Franco Debono talab lill-Prosekuzzjoni biex tagħti ndikazzjoni dwar kemm il-xhud għad baqa’ minn naħa tagħha biex jixhdu fil-Qorti, u dan peress li din hija waħda mir-raġunijiet għaliex Azzopardi mhux qed jingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Debono talab ukoll biex jiġu identifikati x-xhieda ċivili u dan biex hu jagħmel it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Ingħad li kien għad baqa’ żewġ xhieda ċivili biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti, u li dawn kienu identifkati aktar qabel fil-kumpilazzjoni.
Il-Qorti ħalliet il-każ tagħha għall-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu u hemm ukoll tingħata d-deċiżjoni fuq it-talba tal-libertà proviżorja fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi. L-Ispettur Mark Mercieca mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Franco Debono qed jidher għal Jordan Azzopardi u t-tfajla tiegħu.
//= $special ?>